Lokali

Insaħħu d-dħul tal-bdiewa tagħna biex insaħħu l-kampanja u l-provvis​ta tal-ikel frisk

Il-Gvern għandu konferma oħra – jekk kien hemm bżonnha – li l-bdiewa u r-raħħala tagħna qed jonqsilhom id-dħul u qegħdin f’diffikultajiet kbar biex ikollhom għajxien deċenti mix-xogħol tagħhom.

Dan qalu il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed, in-Negozji Żgħar, il-Koperattivi, il-Biedja u s-Sajd, Edwin Vassallo filwaqt li żied jgħid li din id-darba hija l-Eurostat li qed tikkonferma li d-dħul tal-bdiewa tagħna naqas b’9.4% bejn l-2016 u l-2017.

Wieħed irid ukoll ipoġġi dan it-tnaqqis sostanzjali fid-dħul tal-bdiewa fil-kuntest li l-ammont ta’ dawk li qed jgħixu f’pajjiżna qed jiżdied b’qawwa u allura suppost is-suq huwa akbar. Imma, għall-kuntrarju ta’ dan, il-bdiewa u r-raħħala tagħna qed ibigħu anqas, jitħallsu anqas u jieħdu d-dar għall-familji tagħhom anqas ukoll.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ ma jagħmel xejn u jibqa’ indifferenti quddiem dawn ir-realtajiet li joħorġu minn dak li jgħidu l-bdiewa u r-raħħala stess u minn dak li issa qed tikkonferma b’qawwa l-istatistika.

Il Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex naraw li s-suq agrikolu għall-bdiewa u r-raħħala tagħna jkun megħjun jikkompeti u jirbaħ il-kompetizzjoni. Dan sabiex ma naslux f’sitwazzjoni li f’pajjiżna nispiċċaw bla bdiewa u raħħala u nitilfu wkoll il-provvista tal-ħaxix, frott, laħam u ħalib frisk.

Jekk il-Gvern jibqa’ ma jiħux id-deċiżjonijiet meħtieġa f’dan il-qasam b’mod urġenti, fi ftit snin se nkunu qed ngħixu r-realtà li ma jibqax aktar jagħmel sens li wieħed jgħix u jaħdem bħala bidwi jew raħħal full time. Dan jagħmel ħsara wkoll lill-ambjent.

Jeħtieġ, bil-kontra, insaħħu d-dħul tal-bdiewa u r-raħħala tagħna biex insaħħu l-kampanja u l-provvista tal-ikel frisk u bnin.