Tkompli l-forma pożittiva ta’ Manchester United li għelbu f’Old Trafford lil Bournemouth 4-1. Paul Pogba fetaħ l-iskor wara ħames minuti meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara azzjoni mill-aqwa ta’ Marcus Rashford.
Huma rdoppjaw fl-34 minuta meta reġa’ kien Pogba li min-nofs il-grawnd ġera biex daħal fil-kaxxa u antiċipa l-ħarġa ta’ Begovic biex skorja bir-ras wara kross ta’ Ander Herrera. Ir-Red Devils għamluhom tlieta fil-45 minuta bit-tielet gowl meta din id-darba kien kross ta’ Anthony Martial lejn Marcus Rashford li mattar siequ biex għeleb lil Begovic.
Bournemouth naqqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ Nathan Ake wara kross ta’ David Brooks. Manchester United għalqu l-logħba fit-72 minuta b’Pogba jgħaddi lejn is-sostitut Romelu Lukaku li għeleb lil Begovic bil-lemin.
Wara żewġ telfiet konsekuttivi, Manchester City irritornaw għar-rebħ meta kisbu rebħa ta’ 3-1 kontra Southampton fis-St. Mary’s Stadium. B’din ir-rebħa, City telgħu fit-tieni post seba’ punti taħt il-leaders Liverpool.
Iċ-champions Ingliżi kellhom bżonn għaxar minuti biex fetħu l-iskor. Kienet azzjoni mibdija fuq il-lemin bl-Alġerin Riyad Mahrez iqassam lejn Bernardo Silva li daħal fil-kaxxa u kkrossja għan-nofs lejn David Silva li ltaqa’ mal-ballun u skorja b’xutt fil-baxx. Southampton ġabu d-draw fis-37 minuta meta Pierre Hojbjerg seraq ballun mingħand Oleksandr Zinchenko avvanza u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Ederson.
Reazzjoni immedjata ta’ City li marru minn fuq fil-45 minuta b’James Ward-Prowse jxellef fix-xibka kross mix-xellug ta’ Raheem Sterling. It-tim ta’ Guardiola saħansitra għalaq il-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima b’Sergio Aguero jiskorja b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug ta’ Zinchenko.
Chelsea fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq Arsenal fir-raba’ post tal-klassifika b’rebħa ta’ 1-0 fuq Crystal Palace f’Selhurst Park. Il-gowl deċiżiv tal-logħba ġie skorjat fil-51 minuta meta David Luiz għadda passaġġ vertikali fit-tul lejn N’Golo Kante li kkontrolla b’sidru u b’xutt fil-baxx għeleb lil Vicente Guaita.
Burnley kisbu rebħa importanti meta f’Turf Moor għelbu lil West Ham 2-0 biex laħqu lil Southampton bi 15-il punt. Chris Wood poġġa lit-tim ta’ Sean Dyche minn fuq wara kwarta logħob wara li żmarka ruħu tajjeb u għeleb lil Fabianski. Dwight McNeil irdoppja l-iskor fl-34 minuta b’konklużjoni fuq l-ewwel lasta wara kross mil-lemin.
//= $special ?>