Lokali

Monument f’ġieħ Ġużè Tanti

Fi pjazza Ġużè Tanti f’San Ġiljan, il-Ħadd filgħodu ġie inawgurat monument f’ġieħ Ġużè Tanti – Fundatur tal-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan lura fl-1949, li uffiċċjalment kien taħt l-isem ta’ Balluta WaterPolo club. Kien imbagħad fl-1974 li l-klabb bidel l-isem ghal San Ġiljan Aquatic Sports Club.

Lejn l-ahhar ta’ hajtu, Ġużè kien marad u ma setax ikompli fl-attivita’ sportiva. Il-klabb ta’ San Ġiljan kien ħatru President Onorarju. Minkejja l-marda li ħakmitu Ġużè Tanti baqa’ dejjem bi tbissima ħelwa fuq fommu, iqatta’ l-ġranet jisma’ l-opri.

Ġużè Tanti miet nhar il-21 ta’ Novembru, 1990 fl-eta’ ta’ 72 sena. Warajh ħalla l-klabb tal-waterpolo li welled u llum sar fost l-akbar u l-aqwa’ f’Malta.

L-inizjattiva li jsir dan il-monument kienet tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan. Il-monument inħadem minn Antoine Hili mill-Furjana u kien imbierek mill-Viċi Kappillan ta’ San Ġiljan Dun Pawl Mizzi.

Preżenti għall-kxif tal-monument kien hemm is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli, l-Eks President tal-Balluta WaterPolo Club Carm Borg, il-Viċi President tal-klabb tal-waterpolo Ivan Said, is-Segretarju Carlo Mifsud, Eks plejers tat-team tal-waterpolo ta’ San Ġiljan, l-eks President u eks plejer Peter Bonello, kif ukoll familjari tal-istess Ġużè Tanti.