Lokali

Opportunità unika għal kantant Malti

Opportunità unika għal kantant żagħżugħ Malti hekk kif se jkun qed jingħaqqad mal-grupp popolari Live Band – band Amerikana tal-ġeneru rock.

Kurt Anthony ta’ 25 sena mill-Gudja ħabbar din l-opportunità fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook. Hu ngħata din l-opportunità wara li kanta magħhom f’Hyde Park’s Winter Wonderland is-Sibt filgħaxija.

Waqt il-prestazzjoni li kien qed jgħati, dawn il-mużiċisti ofrewlu li jingħaqad magħhom biex jibda jkanta ma’ dan il-grupp. Il-perkussjonista ta’ din l-istess band kien daqq fl-Ingliterra flimkien ma’ Olly Murs – kantant Ingliż li sar famuż permezz tas-sitt edizzjoni ta’ X Factor.

Hekk kif jinsab ġewwa Londra, Kurt qed jagħmel diversi prestazzjonijiet fit-toroq biex jgħati spettaklu lil dawk kollha li jkunu għaddejjin.

Kurt Anthony huwa wkoll parteċipant fuq X Factor Malta. Hu ħeġġeġ biex ħadd ma jaqta’ qalbu għaliex jekk wieħed jemmen fit-talent tiegħu, kapaċi jasal fejn jixtieq.