Lokali

Proposti ta’ reklamazzjoni fix-xatt tax-Xgħajra

Ritratt: Martin Agius

Diversi ilmenti mir-residenti tax-Xgħajra hekk kif hu maħsub li jsir proġett ta’ reklamazzjoni fix-xatt tal-istess lokalità.

Dan hekk kif il-ġebel li se jkun qed jitneħħa mis-sit fejn mistennija ssir il-mina bejn Malta u Għawdex, se jkun qed jintefa’ f’dan l-istess xatt tax-Xgħajra.

Il-proġett tal-mina mistenni li joħloq madwar miljun tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni.

Proġetti simili iżda fuq skala iżgħar minn dak tax-Xgħajra qed jiġu kunsidrati f’lokalitajiet oħra madwar il-gżejjer Maltin.

Għal dawn l-aħħar xhur, esperti mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għamlu diversi studji biex jaraw kif dan il-proġett jista’ jafettwa l-kosta Maltija fejn jidħol il-baħar u l-fossili.

S’issa għad ma teżistix liġi dwar ir-riklemazzjoni tal-art sabiex jiġi mħares kull aspett li jidħol f’dan is-settur.

Diversi residenti tax-Xgħajra jinsabu urtati dwar dan il-proġett tant li ngħaqdu fi grupp fuq Facebook. F’email li ntbagħtet lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u saħansitra lill-Prim Ministru Joseph Muscat minn dawn ir-residenti, jingħadd li din l-art se tkun qed issir biss għall-iżviluppaturi u mhux għal skopijiet li se jkunu qed jgħinu lil lokalità, bħal xi ġonna.

Skont rapporti fil-media lokali, hemm diversi kumpaniji li diġà urew l-interess tagħhom fir-reklamazzjoni fix-xatt tax-Xgħajra.