Festi Knisja Kultura Lokali

Fil-Mosta tiġi ċċelebrata l-aħħar festa tas-sena lil San Silvestru

Il-Kappella tinsab bejn 2 karreġġjati fi Vjal l-Indipendenza

Hekk kif wieħed ikun għaddej minn Vjal l-Indipendenza, il-Mosta, jintebaħ b’Kappella maqtugħa għaliha u mdawra minn 2 karreġġjati ta’ dina t-triq traffikuża.

Għalkemm bosta jaħsbu li din il-Kappella, iddedikata lill-Papa San Silvestru l-I, qajla tinfetaħ, din tinfetaħ kull nhar ta’ Ħadd għall-quddiesa u tiġi ċċelebrata l-festa lill-Qaddis Patrun tal-Kappella kull sena.

Il-Papa Silvestru l-I kien it-33 Papa tal-Knisja Kattolika bejn is-sena 314 sal-mewt tiegħu, nhar il-31 ta’ Diċembru tas-sena 335. Tul il-Pontifikat twil tiegħu, li ra t-twaqqif tal-Imperu Kristjan Ruman, Kostantinu bena knejjes kbar f’Ruma fosthom il-Bażilika ta’ San Giovanni Lateran u l-Bażilika l-Antika ta’ San Pietru.

Żorna din il-Kappella t-Tnejn waranofsinhar f’Jum il-Festa u tkellimna mas-Sagristan, Shawn Saliba, fuq l-isfond storiku tal-Kappella u l-festeġġjamenti f’dan il-jum.

“Il-Knisja nbniet fl-1664 mill-Kavallier Silvestru Fiteni, li kienet il-knisja ġuspatronata tiegħu. Illum issir il-quddiesa regolari matul is-sena l-Ħadd filgħodu fis-7.30. Fl-aħħar tas-sena, fil-31 ta’ Diċembru ssir il-Festa tal-Papa San Silvestru. Allura, Lejlietu fit-30 u nhar il-Festa ssir quddiesa kantanta fil-5pm segwita mill-antifona u l-barka sagramentali.”

Saliba, li ilu għal dawn 14-il sena Sagristan, flimkien ma’ xi voluntiera, iżejjnu l-Kappella bl-ifjen libsa possibli, mit-tiżjin tad-damasak sal-apparat tal-Artal Maġġur. Il-Kwadru Titulari f’din il-Kappella huwa ta’ Stefano Erardi u nħadem fis-sena 1665.

Fost l-apparat li nsibu fuq l-artal hemm il-gandlieri u statwi tal-Papiet, maħduma mill-mibki Renzo Gauci, il-vent-artal bil-palju rrakkmat, bħalma hu rrakkmat il-kanupew. Dawn saru madwar 25 sena ilu bit-tħabbrik tal-eks-Rettur Dun Salv Magro li miet propju f’din il-ġurnata lura fl-2007.

Apparti l-Festa lil San Silvestru, f’din il-Kappella ta’ kull sena ssir il-Festa ta’ Santa Rita f’nhar it-22 ta’ Mejju.