Tħabbret il-mewt ta’ Herbert Messina-Ferrante li għal snin twal ħadem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li għamel xogħol imprezzabbli fil-qasam tas-saħħa bħala dental surgeon.
Messina-Ferrante kien ilu għall-aħħar snin għaddej minn tbatija kbira kawża ta’ marda kiefra li ħakmitu.
Fil-qasam mediku, Messina-Ferrante kien rikonoxxut għall-għajnuna li ta, ħafna drabi bla ma ppretenda xejn lura. Tant hu hekk li s-sena li għaddiet kien ippreżentat b’rikonoxximent mill-Assoċjazzjoni tad-Dentistrija f’Malta għall-50 sena ta’ xogħol u dedikazzjoni b’risq din il-professjoni.
Fl-2012, il-President ta’ Malta George Abela kien irrikonoxxieh ukoll, meta ddaħħal bħala membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Bħala politiku wkoll, Messina-Ferrante stabbilixxa ruħu bħala politiku tan-nies. Hu ħadem fi ħdan l-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, kien President tal-APAN kif ukoll bħala kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, fejn kien jgħix u liema lokalità tant ħabb.
Ħadem ukoll fi ħdan l-isport, bħala amministratur, serva fost oħrajn fl-irwol ta’ Viċi President tal-Malta Football Association kif ukoll President ta’ Sliema Wanderers FC fejn jibqa’ mfakkar għal meta Sliema rebħu l-Kampjonat taħt il-presidenza tiegħu lejn l-aħħar tas-snin 80.
Net News jieqaf mal-familja Messina-Ferrante u joffri l-kondoljanzi tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Herbert Messina-Ferrante
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem lil Herbert Messina-Ferrante li miet fil-lejl li għadda fl-età ta’ kważi 81 sena wara marda twila.
Herbert Messina-Ferrante ta sehem kbir fil-qasam tad-dentistrija, fl-unjoniżmu, fl-isport, fil-Kunsilli Lokali u fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li minbarra li kien dentist f’Malta u barra, Herbert Messina-Ferrante kien membru-fundatur tal-Għaqda Ewropea tad-Dentistrija, għalliem u eżaminatur tad-dentistrija. Is-sena li għaddiet hu ngħata rikonoxximent mill-Għaqda Maltija tad-Dentistrija għall-50 sena ta’ ħidma u dedikazzjoni f’din il-professjoni.
Herbert Messina-Ferrante kien membru-fundatur tal-Għaqda tas-Self-Employed u president tagħha fis-snin 1970.
Fis-Sliema Wanderers FC, hu kien President u kellu wkoll karigi oħrajn, fosthom rappreżentant fuq il-Malta Football Association fejn kien Viċi President u ppresieda wkoll diversi bordijiet. Fil-qasam sportiv kiseb ukoll diversi rikonoxximenti.
Fil-politika, Herbert Messina-Ferrante ħadem fi ħdan l-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, kien President tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti kif ukoll Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.
Fl-2012 hu sar Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Il-Partit Nazzjonalista sellem lil Herbert Messina-Ferrante għall-ħidma tiegħu f’tant oqsma u fi ħdanu. Jagħti wkoll il-kondoljanzi lill-familja tiegħu u lil dawk kollha li kienu qribu.
Tislima wkoll mill-Partit Laburista
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Herbert Messina Ferrante.
Il-Partit Laburista fakkar lid-dentist Messina Ferrante għall-kontribut f’għadd ta’ oqsma għal deċenji sħaħ u kien xhieda ta’ kif ċittadin għandu jkun attiv b’risq il-komunità li jgħix fiha.
L-APAN issellem lil Herbert Messina-Ferrante
Il-President u l-Kumitat Eżekuttiv tal-APAN ingħaqdu mal-kumplament tal-Partit Nazzjonalista biex juri s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Chev. Dr. Herbert Messina Ferrante, Eks-President tal-Assoċjazzjoni għal diversi snin.
L-APAN fakkret li Messina Ferrante ħadem f’bosta għaqdiet oħra tal-volontarjat u kien attiv u mexxej onest u ħabrieki. Bħala Assoċjazzjoni, l-APAN tiftakar iż-żelu tiegħu biex tkun minn ta’ quddiem fil-ħarsien u d-drittijiet tal-anzjani u l-pensjonanti waqt li kien jinkoraġġixxi attivitajiet oħra soċjali u kulturali biex l-anzjani jkomplu jkunu attivi u utli għas-soċjeta.
L-APAN tibghat il-kondoljanzi tagħha lill-familjari ta’ Dr.Messina Ferrante u twiegħed li titlob lill-Mulej jagħtih il-mistrieħ mistħoqq.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ifakkar lil Herbert Messina Ferrante
Fi stqarrija f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, is-Sindku Stefan Cordina wassal il-kondoljanzi tiegħu, f’dan il-mument ta’ dieqa, lill-qraba kollha ta’ Herbert Messina Ferrante.
Hu kien serva fil-Kunsill Lokali bejn l-2001 u l-2015, bis-Sindku jfakkar “il-mumenti sbieħ li qattajna miegħu.”
//= $special ?>