Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi daħal fi spiża konsiderevoli biex kellu jsewwi diversi ħitan u tabelli vvandalizzati bil-graffiti fost l-oħrajn fi Triq is-Swieqi u Triq is-Sidra. Kien bosta l-ilmenti tar-resident li daħħlu għand il-Kunsill Lokali dwar dan u saħansitra fuq bosta karozzi privati li spiċċaw mingħajr mirja li tqaċċtu.
Għalkemm ġew installati 25 kamera fil-lokalità biex issir is-sorveljanza fil-lokalità, partikolarment fl-entratura għal Paceville, il-Pulizija m’għandhiex aċċess dirett għall-filmati tal-kameras tas-sigurtà minnufih. Għalhekk, il-Pulizija tal-Għassa tas-Swieqi trid toqgħod televa l-filmati mis-server fil-Kunsill Lokali, xi kultant anki jumejn wara peress li l-uffiċċju tal-Kunsill ikun magħluqa fi tmiem il-ġimgħa. Ħabba f’hekk, ġieli jkun tard wisq biex jinqabdu l-vandali.
Il-Kunsill Lokali ilu għal dawn l-aħħar sena u nofs jsus wara l-Kummissarju Lawrence Cutajar u dawk li jassistuh biex il-Pulizija tieħu kontroll tas-server tal-filmati ħalli tkun tista’ tieħu azzjoni minnufih meta jseħħu każijiet ta’ vandaliżmu.
Il-konferenza stampa li kien għamel Joseph Muscat fi Triq is-Swieqi qabel l-elezzjoni tal-2013 għadha friska f’moħħ ir-residenti tal-lokalità meta qal li s-sigurtà hija waħda mill-prijoritajiet tiegħu.
Iżda s-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat, saħaq li l-ftuħ tal-għassa u l-installazzjoni tal-kameras mhumiex biżżejjed biex in-nies tas-Swieqi jħossuhom siguri quddiem din il-mewġa ta’ serq u vandaliżmu fil-lokalità.
Dan irid jitqies fil-kuntest li l-popolazzjoni tas-Swieqi ttriplat f’dawn l-aħħar 7 snin, minn 9,000 resident għal 13,500 resident biex b’hekk, is-Swieqi sar l-10 l-akbar lokalità f’Malta. Minkejja din iż-żieda fil-popolazzjoni u l-kostruzzjoni, l-aċċessibbiltà ggravat b’żieda qawwija fit-traffiku meta d-dħul u l-ħruġ fil-lokalità baqa’ l-istess bħalma kellha l-lokalità 7 snin ilu.
//= $special ?>