Futbol Sport

Imut l-eks plejer ta’ Liverpool Peter Thompson

Tħabbret il-mewt tal-eks winger ta’ Liverpool u l-Ingilterra Peter Thompson li miet fl-età ta’ 76 sena. Hu skorja 54 gowl f’416-il logħba ma’ Liverpool bejn l-1963 u l-1972 fejn rebaħ darbtejn il-kampjonat u l-FA Cup fl-1965. Thompson lagħab 16-il darba mat-tim Ingliż iżda ma kienx parti mit-tim ta’ Alf Ramsey li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1966.

Wara li kien għen lil Preston biex eliminaw lil Liverpool mill-FA Cup fl-1962, il-manager ta’ Liverpool ta’ dak iż-żmien Bill Shankly iffirma lil Thompson għal sena u nofs u lagħab kull logħba fl-istaġun tad-debutt hekk kif għelbu l-isfida ta’ Manchester United għar-rebħ tal-kampjonat.

Thompson reġa’ rebaħ il-kampjonat fl-1966 u baqa’ plejer regolari għas-sitt staġuni ta’ wara sakemm weġġa’ serjament l-irkoppa. Fl-1973 hu ħalla lil Liverpool biex ingħaqad ma’ Bolton fejn maghħom lagħab aktar minn 100 logħba u rebaħ it-Tieni Diviżjoni fl-1978.