Il-Pulizija qed tinvestiga nar qawwi li ħakem residenza fi Triq Santu Wistin, fil-Ħamrun.
Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ li seħħ għall-ħabta tas-1:30 fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn fuq barra tar-residenza, f’ħin fejn fuq ġewwa kien hemm anzjana ta’ 79 sena u raġel ta’ 56 sena.
In-nar tant kien qawwi li mhux biss saret ħsara fil-faċċata imma stajna ninnutaw ukoll li ddewbet il-grada tal-ħadid quddiem ir-residenza.
Dan wassal biex kien hemm bżonn l-intervent tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mhux biss biex jikkontrollaw in-nar imma wkoll biex ir-residenti setgħu jinħarġu.
It-triq inżammet magħluqa anke matul l-għodwa tat-Tnejn, sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Il-Pulizija fost oħrajn qed tanalizza jekk hemmx rabta ma’ każi oħra li seħħew fl-istess triq fl-aħħar xhur.
Fit-22 ta’ Settembru, nar li qered vann tat-tip Citroen Berlingo wassal għal ħsara kbira fi Triq Santu Wistin, fil-Ħamrun. Dan infirex għal vettura Opel li kienet ipparkjata quddiem il-vann u li wkoll ġarrbet ħsarat konsiderevoli fil-parti ta’ wara tagħha.
Ħadu n-nar ukoll il-faċċati ta’ residenzi biswit l-istess vetturi, b’mod partikolari dik li kien ipparkjat quddiemha l-vann li tagħha nħaraq il-bieb tal-injam.
Xahar wara każ simili fl-istess triq – żewġ karozzi u żewġ residenzi jinħarqu fil-Ħamrun
Xahar qabel, fl-istess triq, fl-erbgħa ta’ filgħodu, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jintervjenu f’każ ieħor ta’ nar li din id-darba seħħ fi Triq Santu Wistin, il-Ħamrun.
Jirriżulta li n-nar beda minn BMW, iżda nfirex għal fuq vettura oħra tat-tip Alfa Romeo. F’dawn iż-żewġ episodji, il-każi seħħew man-naħa l-oħra tat-triq.
//= $special ?>Żewġ karozzi u faċċata ta’ dar bi ħsarat wara nar ieħor matul il-lejl