L-eks plejer ta’ Arsenal u Manchester City Samir Nasri se jingħaqad ma’ West Ham għal sitt xhur bl-għażla li jestendi l-kuntratt. Il-plejer ta’ 31 sena se jkun jista’ jerġa’ jibda jilgħab mil-lum u se jkun qed jingħaqad ma’ wieħed mill-kowċis li kellu ma’ Manchester City, Manuel Pellegrini.
Nasri kien qed jitħarreġ ma’ West Ham f’Novembru wara li kienet qed tasal fi tmiemha s-sospensjoni ta’ sena u nofs li kellu marbuta mad-doping.
Nasri kien jinsab marbut b’kuntratt mal-klabb Tork Antalyaspor iżda l-kuntratt kien itterminat fil-31 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Xahar wara hu kien sospiż għal sitt xhur fil-bidu talli uża trattament bid-drip li marru kontra r-regoli tal-Aġenzija Dinjija kontra d-Doping. Dan wassal għal investigazzjoni mill-Aġenzija Spanjola. Is-sospensjoni kienet bdiet mill-1 ta’ Lulju tal-2017.
Il-midfielder lagħab 215-il logħba fil-Premier League ma’ Arsenal bejn l-2008 u l-2011, qabel ingħaqad ma’ Manchester City għal €30 miljun u baqa’ magħhom sa Awwissu tas-sena l-oħra fejn magħhom rebaħ darbtejn il-Premier League.
//= $special ?>