Sport Sport Ieħor

Serena Williams tirbaħ fir-ritorn iżda l-Istati Uniti titlef kontra l-Greċja fit-Tazza Hopman

(Ritratt: EPA)

Serena Williams irritornat għal-logħob milgħub b’rebħa fit-Tazza Hopman iżda minkejja dan l-Istati Uniti sfat megħluba 2-1 mill-Greċja fl-ewwel logħba minn dan ir-rawnd.

Il-veterana Amerikana li kienet qed tilgħab l-ewwel logħba minn meta tilfet il-finali tal-Open tal-Istati Uniti kontra Naomi Osaka, għelbet lil Maria Sakkari 7-6, 6-2. Hi għamlet l-iskor indaqs wara li Stefanos Tsitsipas għeleb lill-Amerikana Frances Tiafoe 6-3, 6-7, 6-3.

Williams li għandha 37 sena, kellha bżonn l-attenzjoni medika fl-għaksa fil-logħba tagħha, u wara lagħbet fid-doubles flimkien ma’ Tiafoe iżda kienu megħluba minn Sakkari u Tsitsipas. Williams għamlet diversi unforced errors kmieni fil-logħba iżda għelbet lil Sakkari bi 13-il ace u 29 winner.

Din it-telfa ħalliet lis-sitt darbiet rebbieħa fl-aħħar post fil-grupp qabel l-Amerikani jilagħbu kontra l-Iżvizzera li għelbu lir-Renju Unit ilbieraħ.

Roger Federer u Serena Williams li bejnithom rebħu 43 Grand Slam, se jilagħbu kontra xulxin għall-ewwel darba llum fil-mixed doubles. Il-media Awstraljana qed jgħidu li din hi l-aktar logħba mistennija bejn l-irġiel u n-nisa mill-1973 meta Billie Jean King kienet għelbet lil Bobby Riggs f’logħba ta’ ħbiberija.

Tags