Fi tmiem l-ewwel rawnd ħafna jkunu l-partitarji li jaraw kif it-tim favorit tagħhom ikun mar. Il-kowċis u l-kumitati wkoll jagħmlu l-analiżi tagħhom f’dan iż-żmien u jaraw kif jistgħu jsaħħu t-tim għat-tieni rawnd.
Sfortunatament il-futbol Malti għandu diversi problemi fil-preżent u problemi li tidher qed tippersisti fl-aħħar snin hi dik tal-attendenzi fil-logħbiet tal-Kampjonat Premier. Kulħadd jitkellem inkluż jien dwar kif l-attendenzi fil-Kampjonat Premier jinsabu għan-niżla u x’jista’ jsir biex nerġgħu nibdew naraw l-attendenzi.
Jien inħobb nibbaża fuq il-fatti u anki jekk b’sorpriża, l-attendenzi fi tmiem l-ewwel rawnd ikkomparati mal-ewwel rawnd tal-istaġun li għadda bil-format preżenti ta’ 14-il tim, żdiedu marġinalment.
Fl-istaġun li għadda l-attendenza fi tmiem l-ewwel rawnd kienet ta’ 39,086 spettatur u f’dan l-istaġun l-attendenza sa issa kienet ta’ 39,549, żieda marġinali ta’ 463 spettatur li meta wieħed jaqsamhom tul il-91 logħba milgħuba f’dan l-ewwel rawnd jiġu prattikament żieda ta’ ħames spettaturi kull logħba.
Fil-verità mhux xi ħaġa li għandna għalfejn nifirħu għaliex jekk dawn il-ħames persuni taqsamhom fiż-żewġ settijiet ta’ partitarji f’kull logħba, ifisser li kull tim żied l-attendenza b’medja ta’ żewġ persuni u nofs.
Qed nitkellmu fuq żieda vera żgħira li l-anqas tidher, imma bħal ma tkellimt diversi drabi fuq l-attendenzi li neżlin, tal-anqas irrid ngħid li ma komplewx jinżlu.
Il-medja ta’ spettaturi f’kull logħba kienet ta’ kważi 435 spettatur li għal darba oħra meta tinqasam fuq iż-żewġ settijiet ta’ partitarji tiġi 218-il spettatur. Nerġa’ ntenni li dawn mhux numri eżaltanti għaliex li tim ikollu medja ta’ ftit aktar minn 200 spettatur kull logħba mhux xi ħaġa sabiħa, speċjalment meta qed nitkellmu fuq medja għaliex diversi timijiet ikollhom anqas minn 200 spettatur kull logħba.
In-numri fl-attendenzi
Id-derby bejn Valletta u Floriana reġgħet kienet l-aktar partita li attirat nies fl-Istadium Nazzjonali fejn flimkien mal-logħba preċedenti bejn Qormi u Ħamrun Spartans, kien hemm total ta’ 3541 spettatur.
Fl-istaġun li għadda, din il-logħba kienet l-aktar popolari fl-ewwel u t-tieni rawnd. Fl-ewwel rawnd qabilha kien hemm Tarxien Rainbows kontra Hibernians u t-total taż-żewġ logħbiet kien 3681 spettatur li hemm naraw tnaqqis minimu.
Minkejja ż-żieda marġinali analizzajt tnaqqis fl-akbar attendenzi tal-ewwel rawnd. Fl-istaġun li għadda kien hemm erba’ logħbiet (inkluż ta’ qabilhom) li qabżu t-total ta’ 2000 spettatur, iżda f’dan l-istaġun kien hemm biss tlieta.
Minbarra l-akbar attendenza sa issa ta’ 3541 fil-logħbiet Qormi v Ħamrun Spartans u Valletta v Floriana fid-disa’ ġurnata, fit-tielet ġurnata kien hemm il-logħbiet Ħamrun Spartans v St. Andrews u Birkirkara v Valletta b’total ta’ 2576 spettatur, bil-logħba bejn Gżira United u Valletta fl-għaxar ġurnata tellgħet waħedha t-total ta’ 2003 spettatur.
Fl-istaġun li għadda l-akbar attendenzi fl-ewwel rawnd kienu dawk li jinvolvu l-logħbiet Valletta v Floriana, Ħamrun Spartans v Valletta, Hiberians v Valletta u Birkirkara v Valletta (qed neskludi l-logħbiet li ntlagħbu qabilhom).
Fuq in-naħa l-oħra kien hemm tmien attendenzi b’aktar minn 1000 spettatur kontra s-sebgħa tal-ewwel rawnd fl-istaġun li għadda.
Jekk wieħed jgħodd it-total tal-akbar għaxar attendenzi, it-total hu ta’ 17,113 spettatur li jfisser 43.27% tal-attendenzi fl-ewwel rawnd. Dan iħalli l-81 logħba l-oħra ta’ dan ir-rawnd b’medja miżera ta’ 277 spettatur kull logħba.
L-aktar programm ta’ logħob bl-ogħla attendenza kienet id-disa’ ġurnata b’total ta’ 4670 spettatur fis-seba’ logħbiet, medja ta’ 667 spettatur. Il-logħbiet kienu Birkirkara v Sliema (attendenza: 410), Senglea Athletic v Tarxien Rainbows u Mosta v Hibernians (attendenza: 415), Pietà Hotspurs v Gżira United u Balzan v St. Andrews (attendenza: 304) u Qormi v Ħamrun Spartans u Valletta v Floriana (attendenza: 3541).
Analiżi dwar l-attendenzi
Fl-opinjoni tiegħi hu evidenti li minkejja li mhux bin-numri tal-passat, il-partitarji ta’ Valletta għadhom l-aktar li jkunu preżenti fit-total. In-numri jikkonfermaw il-ħsieb tiegħi hekk kif fl-akbar sitt attendenzi dejjem kien hemm Valletta fl-azzjoni.
Dan iżda ma jnaqqasx id-diżappunt tiegħi għaliex ħdejn is-snin passati, il-partitarji ta’ Valletta ma għadhomx jattendu bin-numri li kienu jattendu mqar ħames snin ilu speċjalment f’ċertu logħbiet ta’ importanza.
Jekk diżappuntat bit-total tal-partitarji ta’ Valletta għaliex nistenna aktar, diżappuntat aktar għall-partitarji ta’ ċertu timijiet oħra. Hawn ħafna jgħidu li l-partitarji ma jattendux għax it-tim tagħhom ma jkunx sejjer tajjeb.
Jekk dan jiġi applikat mela suppost il-partitarji ta’ Hibernians u Ħamrun Spartans għandhom ikunu b’folol aktar kif nafuhom fil-passat. Hibernians sa issa kellhom staġun mill-aqwa u temmew l-ewwel rawnd fil-quċċata, iżda għajr dawk leali li baqgħu dejjem wara t-tim u ħaqqhom kull tifħir, b’mod ġenerali kienu diżappuntanti.
Mill-partitarji ta’ Ħamrun Spartans nistenna ftit aktar għaliex dan l-istaġun ikkumparat mal-aħħar staġuni hu ferm pożittiv għalihom u erġajna qed narawhom mal-ewwel nofs tal-klassifika b’mod konsistenti. Iżda għajr l-aħħar logħba kontra Valletta, ma tantx rajt dawk il-folol ta’ bejn 600 u 900 partitarju fuq in-naħa tagħhom.
Wieħed jgħid li l-istess diskors jgħodd għal dawk li jżommu ma’ Gżira United, iżda nistqarr li dawn għandhom storja riċenti fil-quċċata u għalhekk għajr dawk il-mitt jew 150 partitarju li jkollhom regolari, ma jistgħux jiżdiedu b’ħafna, għalkemm hu importanti li kulħadd jaħdem biex jiżdiedu l-partitarji.
Timijiet tradizzjonali bħal Birkirkara u Floriana baqgħu jnaqqsu fit-total tagħhom u hi ħasra. Nerġa’ nirrepeti dak li għidt aktar fuq, li ħafna ma jattendux għax it-tim tagħhom ma jkunx sejjer tajjeb. Għal dawn il-partitarji tat-timijiet kollha nistaqsi kemm hawn min isiefer biex jara t-tim favorit tiegħu barrani, jonfoq ħafna flus u mhux talli ma jirbaħx talli f’xi drabi t-tim ikollu prestazzjoni fqira.
Kif jistgħu jiżdiedu l-attendenzi?
Biex inkun onest, mhix faċli biex l-attendenzi jiżdiedu. Inħoss li hawn apatija ġenerali fost il-pubbliku Malti (fejn irridu.) Nixtieq nara x’se tkun l-attendenza fil-logħba tat-tim nazzjonali Malti kontra Spanja? Jekk mhux sejjer żball fil-finali tal-FA Trophy fl-istaġun li għadda kien hemm l-esperiment tal-istewards, esperiment li ma ħadimx kif mixtieq. Ma nafx jekk wasalx iż-żmien li jsir esperiment simili speċjalment f’ċertu logħbiet.
Nemmen li wasal iż-żmien biex jekk tal-anqas il-livell ta’ logħob ma jkunx brillanti, il-partitarji speċjalment iż-żgħażagħ li jagħmlu ftit brijju, imorru l-grawnd u jieħdu pjaċir billi b’kordinament mal-MFA jkunu jistgħu jagħmlu xi tip ta’ brijju li sa issa mhux permess.
Nistaqsi jekk il-fatt li l-logħbiet qed jintwerew diretti hux qed itellef mill-attendenza jew hux qed jagħti aktar viżibbiltà lill-kampjonat? Ħafna jitkellmu fuq dan il-fatt u jgħidu li l-logħbiet diretti fuq it-televiżjoni qed iġiegħlu lil ħafna nies biex joqogħdu komdi u ma jattendux il-logħbiet. Il-kunċett tas-season tickets li jien favur tiegħu, jidher li għadu ma qabadx iżda nibqa’ ninsisti li għandu jinżamm.
Suġġeriment ieħor li ngħaddi hu li b’esperiment ukoll mhux ta’ darba, jiġu organizzati logħbiet ta’ diversi kategoriji bejn in-nurseries tat-timijiet li se jkunu qed jilagħbu. Ir-raġuni hi li t-tfal jesperjenzaw logħba mhux kompetittiva fejn jilgħab it-tim tal-kbar tagħhom u forsi bil-preżenza tal-ġenituri jaraw it-tfal tagħhom, jibqgħu jaraw il-logħba tat-tim.
L-inizjattiva ta’ Black Friday
Inizjattiva li l-MFA ħadet kienet li fl-okkażjoni ta’ Black Friday fit-23 ta’ Novembru, dawk il-logħbiet li ntlagħbu fil-ġurnata mill-erba’ diviżjonijiet, id-dħul kien b’xejn. Mill-Kampjonat Premier kien hemm logħba biss dik bejn Balzan u Ħamrun Spartans, bl-attendenza tkun ta’ 420 spettatur.
Ġurnata qabel fuq il-profil tiegħi fuq facebook kont ktibt li għalkemm hi inizjattiva tajba mill-MFA, kont nispira ruħi mill-idea ta’ Black Friday u nestendi din l-idea għal-logħbiet l-oħra ta’ tmiem il-ġimgħa.
L-ewwel raġuni hi biex il-partitarji tat-timijiet l-oħra li l-logħba ma kinitx il-Ġimgħa jibbenefikaw u fl-istess ħin ikun qed jingħata rikonoxximent żgħir lil dawk il-partitarji li ħafna minnhom jitilgħu kull logħba jsegwu lit-tim favorit tagħhom.
Din l-idea setgħet tkun aktar possibbli minħabba li aktar kmieni din is-sena, il-Malta Football Association kienet ħabbret skema li tiggarantixxi dħul fiss lill-klabbs mill-gate money minħabba li l-MFA xtrat il-biljetti. Din l-iskema għandha l-valur massimu ta’ €175,000.
L-attendenza wara l-ewwel rawnd fl-aħħar erba’ staġuni
2015-2016 – 15-il logħba kull tim – Kampjonat bi 12-il tim
Rawnd u erba’ logħbiet 45508 spettatur – 90 logħba
Medja – 506 kull logħba
2016-2017 – 15-il logħba kull tim – Kampjonat bi 12-il tim
Rawnd u erba’ logħbiet 40909 spettatur 90 logħba
Medja – 455 kull logħba
2017-2018 – 13-il logħba kull tim – Kampjonat b’14-il tim
I Rawnd 39086 spettatur 91 logħba
Medja – 430 kull logħba
2018-2019 – 13-il logħba kull tim – Kampjonat b’14-il tim
I Rawnd 39549 spettatur 91 logħba
Medja – 435 kull logħba
L-akbar ħames attendenzi tal-ewwel rawnd fl-istaġun 2018-2019
1. Il-Ħadd 4 ta’ Novembru 2018 Valletta v Floriana u Qormi v Ħamrun 3541
2. Il-Ħadd 16 ta’ Settembru 2018 Birkirkara v Valletta u Ħamrun S. v St. Andrews 2576
3. Il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru 2018 Gżira U. v Valletta 2003
4. It-Tnejn 17 ta’ Diċembru 2018 Valletta v Ħamrun S. u Balzan v Hibernians 1917
5. Is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2018 Valletta v Hibernians u Gżira U. v Ħamrun S. 1482
L-akbar ħames attendenzi tal-ewwel rawnd fl-istaġun 2017-2018
1. Il-Ħadd 26 ta’ Novembru 2017 Valletta v Floriana u Tarxien R. v Hibernians 3681
2. Il-Ħadd 19 ta’ Novembru 2017 Ħamrun S. v Valletta u Floriana v Sliema W. 2521
3. Il-Ħadd 5 ta’ Novembru 2017 Hibernians v Valletta u St. Andrews v Sliema W. 2087
4. Il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2017 Birkirkara v Valletta u Floriana v Gżira U. 2026
5. Il-Ħadd 15 ta’ Ottubru 2017 Sliema v Birkirkara u Gżira U. v Ħamrun S. 1335
//= $special ?>