Il-Papa Franġisku, fl-ewwel diskors tal-2019 waqt l-Angelus, fakkar lill-politiċi li huma biss id-deċiżjonijiet ġusti tagħhom li jkattru l-paċi.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika kien qed iwassal l-awguri għas-sena l-ġdida lill-għexieren ta’ eluf ta’ persuni miġbura fi Pjazza San Pietru u l-miljuni ta’ Nsara madwar id-dinja, li segwew il-messaġġ tiegħu għas-Solennità ta’ Marija Omm Alla fil-Jum Dinji għall-Paċi.
Hu bil-politika li naslu għall-paċi, sostna l-Papa Franġisku, li kompla jħeġġeġ lill-politiċi biex bil-barka ta’ Marija Omm Alla u Sultana tal-Paċi jissuktaw bil-ħidma għall-ġid komuni tal-ġnus billi kull politiku jaqdi dmiru u jagħmel il-parti tiegħu.
Bħalma fil-Milied wassal messaġġ ta’ għaqda lid-dinja, fl-ewwel jum tas-sena l-Kap tal-Knisja Kattolika wassal messaġġ ta’ tkattir ta’ ġid u prosperità, filwaqt li ħeġġeġ lill-Insara jitolbu għall-paċi kuljum.
Kien fl-1967 li l-Beatu Papa Pawlu VI ddikkjara l-ewwel jum tas-sena bħala l-Jum Dinji tal-Paċi, li serva bħala okkażjoni annwali għall-Papiet biex il-Knisja toħloq kuxjenza u tappella għall-paċi u l-ġustizzja. Dan wara li l-Kunsill ta’ Efesu fis-sena 431 ipproklama d-Domma ta’ Marija Omm Alla.
//= $special ?>
