Internazzjonali

Franza: Macron jattakka lill-estremisti waqt id-diskors tal-aħħar tas-sena

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, waqt id-diskors tiegħu lin-nazzjon għal lejliet l-Ewwel tas-Sena, ħareġ bi twissija ċara għall-elementi estremisti fost id-dimostranti li qeggħdin jorganizzaw il-protesti regolari kontra l-Gvern immexxi minnu.

Macron insista li hu ‘beħsiebu jżomm l-ordni mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ traskuraġni’ fost kundanna ‘għall-persuni li ħatru lilhom infushom kelliema għall-gruppi tan-nies li huma xprunati mill-mibgħeda’.

Talanqas sitta mietu, b’1,500 jindarbu, fost il-protesti li żbruffaw ix-xahar li għadda fi Franza, fejn in-nies ħarġu fit-toroq biex jesprimu rabja dwar iż-żidiet fit-taxxi fuq il-fuel.

Min-naħa tiegħu, Macron qal li r-rabja li teżisti fil-qalba tal-protesti li qed imexxu d-dimostranti magħrufa bħala ‘tal-ġgieget sofor’ tindika li Franza ‘mhix xi pajjiż irrassenjat għal destin ikhrah’ u meta l-Franċiżi ‘jixtiequ jibnu futur aħjar’. Madankollu, il-President irriserva kundanna sħiħa għall-elementi estremisti ‘li qed jilgħabuha daqslikieku huma l-vuċi għall-poplu’.

Għal Macron, dawn l-estremisti qegħdin imexxu ‘aġenda ċara’ bil-għan li jattakkaw lill-qawwiet tas-sigurtà, il-ġurnalisti u l-barranin li jqisuhom ‘miri għall-mibgħeda’. Hu, waqt id-diskors, wissa liċ-ċittadini Franċiżi biex joqgħodu attenti għall-‘aħbarijiet foloz’ u biex huma jżommu f’moħħhom li ‘ħadd qatt ma bena xejn fuq il-gideb’.

Il-President insista wkoll biex il-Gvern jitħalla jkompli jaħdem biex jattwa r-riformi meħtieġa waqt li aċċetta li l-Istat għandu jagħmel aktar ‘bil-għan li ċ-ċittadini jħossuhom aktar ta’ valur’.