Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qal li hu impenjat favur id-denuklearizzazzjoni ta’ pajjiżu, iżda wissa li ‘din id-direzzjoni tinbidel’ f’każ li l-Istati Uniti tkompli bil-politika tas-sanzjonijiet.
Kim qal dan waqt id-diskors għas-Sena Ġdida li kien segwit mill-qrib mill-osservaturi internazzjonali. Dan ukoll wara li d-diskors ta’ Kim Jong-un għall-bidu tal-2018 kien qabbad pajjiżu fit-triq tad-diplomazija internazzjonali mal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti.
F’Ġunju tal-2018, Kim kien iltaqa’ mal-President Amerikan, Donald Trump, biex jiddiskutu d-denuklearizzazzjoni tal-Korea komunista iżda sallum ftit kien hemm riżultati konkreti.
Intant, Kim tenna, fid-diskors tat-Tlieta fuq it-Televiżjoni tal-Istat, li ‘f’każ li l-Istati Uniti ma żżommx il-kelma li tat (lill-Korea ta’ Fuq) quddiem id-dinja u tinsisti għal sanzjonijiet u pressjoni fuq l-Istat komunista, Pyongyang jista’ ma jkollux għażla ħlief jikkunsidra mezzi ġodda li jissalvagwardaw is-sovranità u l-interessi ta’ pajjiżu’.
Intant, xi osservaturi jaħsbu li l-messaġġ ta’ Kim jista’ ifisser li l-Korea ta’ Fuq qed tistenna ‘azzjoni’ mill-Istati Uniti, fl-2019, u jekk din ma sseħħx, il-pajjiż komunista jista’, ‘il quddiem, iħejji provi ġodda għall-armamenti nukleari.
//= $special ?>

