L-aggrediment ta’ tliet persuni – fosthom pulizija – li seħħ fl-aħħar jum tas-sena fi stazzjon ta’ Manchester, fir-Renju Unit, qed ikun trattat bħala inċident relatat mat-terroriżmu. Dan ikkonfermawh il-pulizija li qed iżommu raġel ta’ 25 sena taħt arrest fuq attentati ta’ omiċidju. Il-vittmi kollha qalgħu daqqiet bi strument li jaqta’ u l-pulizija sabu talanqas żewġt iskieken fl-inħawi għalkemm mhux ċert jekk dawn intużawx mill-aggressur.
Intant, is-servizzi tas-sigurtà kienu qed jgħinu lill-pulizija waqt tftittxija ġo residenza fiz-zona ta’ Cheetham Hill fejn kien qed jgħix is-suspettat.
Il-Kuntistabbli Ewlieni tal-Pulizija ta’ Greater Manchester, Ian Hopkins, issa, tkellem dwar l-inċident fl-Istazzjon ta’ Victoria u qal li l-attakk xokkanti seħħ fuq persuni li riedu biss igawdu l-aħħar tas-sena f’Manchester. Hu kompla li l-awtoritajiet qegħdin imexxu ‘investigazzjoni dwar it-terroriżmu’ u li ma kienx hemm indikazzjonijiet ta’ persuni oħrajn li setgħu kellhom sehem fl-attakk.
Ma ngħatawx dettalji ċara dwar in-nazzjonalità tal-individwu li qed jinżamm taħt arrest, bl-investigazzjoni qed titmexxa mill-pulizija tal-iskwadra li titratta każi simili. Ma kenux konfermati mija-fil-mija rapporti li l-aggressur, fil-ħin tal-attakk, beda jgħajjat ‘Allah’ u kliem ta’ kundanna kontra l-Gvernijiet tal-Punent.
It-tlett vittmi tal-attakk kollha ttieħdu l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi serji iżda mhumiex f’periklu tal-mewt. Minbarra l-pulizija, iż-żewġ vittmi l-oħra huma mara li sofriet il-ġrieħi f’wiċċha u l-istonku u raġel li ndarab b’diversi daqqiet ta’ sikkina.
L-istazzjon ta’ Victoria, intant, reġa’ fetaħ, sigħat wara l-inċident, bis-servizzi tat-trasport jkomplu għaddejjin bħas-soltu.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, esprimiet solidarjetà mal-vittmi tal-attakk b’messaġġ fuq Twitter u fejn irringrazzjat lis-servizzi għall-emerġenzi ‘għall-mod kuraġġjuż kif huma rreaġew għall-kriżi’.
//= $special ?>

