Futbol Sport

Chelsea jakkwistaw lil Christian Pulisic għal €64 miljun

(Ritratt: EPA)
Il-plejer Amerikan se jibqa’ ma’ B. Dortmund b’self sal-aħħar tal-istaġun

Chelsea għamlu l-ewwel akkwist tagħhom f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Christian Pulisic mingħand Borussia Dortmund għas-somma ta’ €64 miljun.

Hu se jkun mibgħut b’self mal-istess klabb Ġermaniż sa tmiem l-istaġun. B’hekk l-internazzjonali Amerikan ta’ 20 sena sar it-tieni plejer l-aktar li sewa flus fl-istorja tal-klabb wara Alvaro Morata, bl-eċċezzjoni tal-gowlkiper Kepa Arrizabalaga.

“Hu ta’ privileġġ li niffirma ma’ klabb leġġendarju u ninsab ħerqan li naħdem biex ngħin lil tim mimli plejers ta’ klassi. Qed inħares li naħdem ma’ Maurizio Sarri u t-tim tekniku. Imma għal sitt xhur kollox konċentrat fuq Borussia Dortmund.” Pulisic kompla biex ħadd ma jiddubita l-passjoni, id-determinazzjoni u l-impenn tiegħu mal-klabb Ġermaniż sal-aħħar ballun li jixxuttja f’dan l-istaġun.

Id-Direttur Sportiv ta’ Dortmund Michael Zorc qal li l-leaders tal-Bundesliga pruvaw jipperswadu lil Pulisic biex iġedded il-kuntratt li jiskadi fl-2020. Hu kompla li dejjem kienet il-ħolma tal-Amerikan li jilgħab fil-Premier League u minħabba li l-kuntratt dalwaqt jispiċċa, ħadu d-deċiżjoni li jaċċettaw l-offerta lussuża ta’ Chelsea.

Hu sar ir-raba’ akkwist ta’ Chelsea minn meta Maurizio Sarri ngħaqad ma’ Chelsea, wara l-akkwisti ta’ Kepa Arrizabalaga u Jorginho kif ukoll l-akkwist b’self ta’ Mateo Kovacic mingħand Real Madrid.

Tags