Sport Sport Ieħor

Federer u Bencic jirbħu kontra Williams u Tiafoe fit-Tazza Hopman

(Ritratt: EPA)

Roger Federer u Belinda Bencic għelbu lil Serena Williams u Frances Tiafoe 4-2, 4-3 fil-logħba mistennija tal-battalja bejn il-leġġendi fit-Tazza Hopman. Il-koppja Żvizzera rebħu l-konfront quddiem stadium ippakkjat ta’ 14,000 ruħ f’Perth li ħa pjaċir isegwi għall-ewwel darba lil Roger Federer u Serena Williams kontra xulxin.

Federer u Williams rebħu bejniethom 43 Grand Slam iżda kien l-20 darba rebbieħ Federer li ispira lit-tim Żvizzeru biex jirbaħ 4-2, 4-3 f’decider tal-mixed doubles tat-Tazza Hopman.

Federer li qed jipprepara biex jiddefendi l-Open tal-Awstralja, qal li kien ta’ unur li jilgħab din il-logħba u ħa pjaċir. “Kont nervuż nirritorna. In-nies jitkellmu ħafna fuq is-service tagħha u nara għaliex hu b’saħħtu għaliex ma tistax taqrah.”

Serena Williams qalet wara l-logħba li kienet esperjenza mill-aqwa u ttamat li mhux se tispiċċa malajr daqs kemm spiċċat. Hi faħħret lil Federer bħala persuna kemm fil-court kif ukoll barra l-court.

Aktar kmieni, Federer għeleb lil Tiafoe 6-4, 6-1 qabel Williams ġabet id-draw b’rebħa ta’ 4-6, 6-4, 6-3 fuq Bencic. L-Iżvizzera qed tiddefendi l-unur li rebħet is-sena l-oħra u kisbet żewġ rebħiet minn żewġ logħbiet. Fl-aħħar logħba l-Iżvizzeru jilagħbu kontra l-Greċja filwaqt li l-Istati Uniti jilagħbu kontra l-Gran Britannja.

Tags