Lokali

FL-2018: Jidħlu kważi 1,500 immigrant f’Malta

49 persuna għadhom bejn sema u ilma

Numru ta’ immigranti għaddew l-ewwel sigħat tal-ewwel tas-sena bejn sema u ilma fil-Baħar Mediterran hekk kif issa 32 immigrant ilhom mit-22 ta’ Diċembru fuq il-baħar. Fid-29 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra ġew salvati 17-il immigrant oħra u dawn jinsabu abbord il-bastiment ta’ Sea Watch.

Filwaqt li għaddej dan kollu…. qed issir tfittxija għal 72 immigrant, li s’issa rriżultat fin-negattiv.

Sea Watch infatti ħarġu filmat mit-tim mediku fejn qed isostnu fuq kif il-qagħda, li issa ilha ta’ dawn l-immigranti li ilhom ġranet sħaħ fuq dan il-bastiment mhu tgħin xejn is-sitwazzjoni.

Intqal li bħalissa qed jaffaċjaw sitwazzjoni fejn dawn l-immigrant damu aktar żmien fuq il-bastiment, huma bħala tobba qed jinkwetaw fuq kif issa ma jistgħux jibqgħu jgħinu fit-tul bl-aqwa mod possibbli. Bħala eżempju l-ikel li qed ituhom mhux tajjeb, u li jekk dan jibqa’ jiġi ikkunsmat dan jaf fl-eventwalità jsarraf f’mard speċjalment fit-tfal li hemm abbord. Huma qalu li din hija sitwazzjoni diffiċli.

In-numru ta’ immigranti li fis-sena 2018 mietu fil-Mediterran kien ta’ aktar minn 2,200 persuna. Dan fid-dawl tal-attentat biex dawn jaħarbu l-konflitti li hemm fl-Afrika bi tfittxija għal ħajja aħjar fil-kontinent Ewropew.

Fis-sena 2018 jidħlu kważi 1,500 immigrant irregolari f’pajjiżna.

B’kollox is-sena li għaddiet rifsu l-art Maltija 1,422 immigrant irregolari. Sa Ottubru ġew f’pajjiżna 1,013-il immigrant.

F’Novembru daħlu f’Malta 149 immigrant. F’Diċembru biss ġew b’kollox 260 immigrant wara li 11-il immigrant iddaħħlu f’pajjiżna fil-bidu tax-xahar meta ġew rifjutati minn Spanja u l-Italja. Dan wara li fl-aħħar jiem ġew Malta kważi 250 immigrant.

Għalkemm qiegħdin issa fil-bidu ta’ Jannar u t-temp mhux xi wieħed ħanin wisq, jidher li dan xorta waħda mhux jaqta’ qalb iċ-ċrieki kriminali li jikkordinaw dawn il-vjaġġi klandestini.

F’appelli li qed isiru min-Nazzjonijiet Uniti qed isiru sforzi biex ikun hemm għajnuna umanitarja. Madankollu fis-summits riċenti tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li fihom jipparteċipa l-Prim Ministru Muscat, it-tema tal-immigrazzjoni ftit li xejn ġiet diskussa, u ma tħabbret l-ebda azzjoni konkreta quddiem l-isfidi ġodda li qed jaffaċjaw il-pajjiżi tal-Mediterran…fosthom Malta.

Appell għal kutri u ħwejjeġ oħra għall-immigranti