Sport Sport Ieħor

Froome u Thomas mhux se jikkompetu fil-Giro d’Italia ta’ din is-sena

Geraint Thomas (xellug) u Chris Froome (lemin)

Team Sky ikkonfermaw li Chris Froome u Geraint Thomas se jitilfu l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Giro d’Italia biex jikkonċentraw fuq it-Tour de France. B’hekk se jkun il-Kolombjan ta’ 21 sena Egan Bernal li se jmexxi lil Team Sky f’din l-edizzjoni tal-Giro d’Italia.

Thomas se jkun qed ifittex li jiddefendi t-titlu li rebaħ is-sena l-oħra filwaqt li Froome qed jittama li jirbaħ it-Tour de France għall-ħames darba.

“Kienet deċiżjoni iebsa li nidentifika x’se nagħmel fl-2019 u niddeċiedi liema Grand Tours se niffoka fuqhom, speċjalment wara li rbaħt il-Giro s-sena l-oħra u ħadt pjaċir ħafna mat-tim. Iżda għal din is-sena, l-objettiv numru wieħed tiegħu hu t-Tour de France.”

Froome żied li għandu memorji sbieħ tal-Giro d’Italia tas-sena l-oħra iżda jaħseb li minħabba li t-Tour de France hu l-objettiv prinċipali, hu aħjar għalih li jaqbeż il-Giro d’Italia ta’ din is-sena. “Qed nasal f’punt tal-karriera tiegħi fejn qed nibda naħseb x’tip ta’ legat irrid inħalli u jekk nirbaħ it-Tour de France għal ħames darba u nilħaq grupp tal-ogħla klassi tkun inkredibbli hekk kif erba’ persuni oħra biss għamlu dan,” saħaq Froome.

Thomas ikkonferma wkoll li se jitlef La Vuelta fi Spanja biex jiffoka fuq it-Tour de France, iżda qal li se jikkompeti fil-Kampjonat tad-Dinja tat-time trial f’Settembru. “Kieku ma erbaħtx it-Tour de France s-sena l-oħra, kont inħares lejn il-Giro jew La Vuelta imma minħabba li erbaħt it-Tour se jkolli n-numru wieħed warajja u jkun tad-dwejjaq jekk immur u ma nagħtix il-100% tiegħi.”