Manchester United kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Newcastle 2-0 fis-St. James’ Park biex issa d-distakk mit-tim tar-raba’ post Chelsea niżel għal sitt punti wara li t-tim minn Londra spiċċa fi draw ta’ 0-0 kontra Southampton. B’hekk il-manager temporanju Ole Gunnar Solskjaer kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva u sar l-ewwel manager ta’ Manchester United li rebaħ l-ewwel erba’ logħbiet tiegħu minn Sir Matt Busby.
Wara taqsima mingħajr gowls, Manchester United marru fil-vantaġġ fl-64 minuta meta Martin Dubravka naqas li jżomm free-kick ċentrali ta’ Marcus Rashford, b’Romelu Lukaku li kien għadu dieħel flimkien ma’ Alexis Sanchez, jiskorja mir-rebound fl-ewwel ballun li mess. Manchester United għalqu l-logħba fit-80 minuta meta f’kontrattakk, Lukaku għadda lejn Sanchez li b’mod intelliġenti qassam lill-iżmarkat Marcus Rashford li għeleb lil Dubravka b’xutt fil-baxx.
Chelsea ddiżappuntaw fi Stamford Bridge hekk kif spiċċaw 0-0 kontra Southampton, bis-Saints jassiguraw li ma jsofrux gowl għall-ewwel fi 11-il logħba. It-tim ta’ Sarri kellu aktar minn 70% pussess iżda ma setgħux jinfdu lid-difiża organizzata ta’ Southampton. L-aħjar ċans ta’ Chelsea waqa’ għand Eden Hazard iżda x-xutt tajjeb tiegħu kien salvat mid-debuttant Angus Gunn. Alvaro Morata ħaseb li skorja lejn nofs it-tieni taqsima iżda l-gowls kien imħassar għal offside. Il-gowlkiper ta’ Chelsea Kepa Arrizabalaga rari kien impenjat.
Wara r-rebħa kontra Tottenham, Wolves sfaw megħluba f’darhom minn Crystal Palace 2-0. Jordan Ayew fetaħ l-iskor fit-83 minuta wara li rċieva kross ta’ Patrick van Aanholt. It-tim ta’ Roy Hodgson għalaq il-logħba fid-90 minuta b’penalty ta’ Luka Milivojevic.
Burnley kisbu rebħa importanti barra minn darhom għelbu lil Huddersfield 2-1. Kienu Huddersfield li marru minn fuq fit-33 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Steve Mounie, iżda Burnley ġabu d-draw seba’ minuti wara b’gowl ta’ Chris Wood wara kross mix-xellug. It-tim ta’ Sean Dyche skorja l-gowl tar-rebħa fl-74 minuta minn Ashley Barnes f’azzjoni maħduma tajba.
West Ham evitaw telfa fl-Olympic Stadium fi draw ta’ 2-2 kontra Brighton. Dan minħabba li t-tim ta’ Chris Hughton skorja darbtejn fis-56 u fit-58 minuta. L-ewwel kien Dale Stephens li fetaħ l-iskor b’xutt fil-baxx, biex Shane Duffy irdoppja f’azzjoni oħra ta’ korner. Ir-reazzjoni ta’ West Ham kienet tajba tant li Marko Arnautovic ġab id-draw ukoll b’żewġ gowls veloċi fis-66 u fit-68 minuta. L-ewwel b’azzjoni persistenti biex wara l-Awstrijak ġab id-draw b’xutt mil-linja tal-kaxxa ż-żgħira.
Bournemouth u Watford qasmu sitt gowls fil-Vitality Stadium li kienu skorjati kollha fl-ewwel taqsima. Troy Deeney poġġa lil Watford minn fuq fl-14-il minuta b’daqqa ta’ ras, biex l-istess plejer irdoppja fis-27 minuta b’xutt mill-kaxxa wara kontrattakk. Nathan Ake naqqas id-distakk fl-34 minuta b’daqqa ta’ ras biex tliet minuti wara Callum Wilson ġab id-draw b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ. Minuta wara Ken Sema reġa’ poġġa lil Watford minn fuq, iżda Ryan Fraser ġab id-draw fl-40 minuta b’xutt fil-baxx wara diversi finet minn plejers ta’ Bournemouth.
//= $special ?>