Lokali

Jitlef ħajtu Chris Portelli, ir-raġel li kien qed jagħmel xi xogħol fil-Power Station ta’ Delimara

Jitlef ħajtu Chris Portelli, ir-raġel ta’ 45 sena residenti ż-Żejtun li nhar l-Erbgħa 26 ta’ Diċembru kien sofra ġrieħi serji wara li waqa’ għoli ta’ ħames filati minn fuq sellum u sofra ġrieħi f’rasu. Ir-raġel kien qed jagħmel xi xogħol fuq is-sistema tal-arja kundizzjonata fil-powerstation ta’ Delimara.

Chris Portelli, missier ta’ żewġt ibniet, kien attiv ħafna fl-Għaqda Madonna tal-Grazzja San Mikiel Żabbar. Portelli kien soċi attiv, eks-membru tal-Kummissjoni Żgħażagħ u tal-Kumitat Ċentrali u voluntier kbir tal-Għaqda. F’post fuq facebook l-istess għaqda sellmet il-memorja ta’ Chris – ‘ħsibijietna jduru lejn martu u ż-żewġ uliedu, wieħed bandist tal-post u l-familja kollha. Strieh fis-sliem Chris u grazzi ta’ kollox!’

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar ħabbret li b’sinjal ta’ sogħba u rispett sħiħ lejn il-familja ta’ ħuna Chris Portelli, il-marċ tradizzjonali li biha nilqgħu s-sena l-ġdida li kien se jsir nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar ġie uffiċjalment imħassar. L-Għaqda tavża wkoll li l-Banda San Mikiel se tkun qed tieħu sehem bil-banda waqt il-funeral tiegħu, bi qbil mal-familja.

Kienu diversi nies fuq il-media soċjali li sellmu l-memorja ta’ Chris Portelli fosthom ħbieb u kollegi. Fost dawn kien hemm Fr Hayden Williams li f’post fuq facebook radd ħajr lil Alla għad-don sabiħ ta’ Chris Portelli li kien wieħed mill-aħwa tal-bidu fil-Fraternita Franġiskana ta’ Ġesu u Marija

Qal li matul ħajtu Chris ħabb lill-oħrajn u kien jaqdi bil-ferħ. Fr Hayden ttaq li kulħadd isir jaf lil Ġesu u jesperjenza mħabbtu kif għamel hu.

L-inċident sfortunat kien seħħ l-għada tal-Milied għall-ħabta tas-2.30 ta’ wara nofsinhar u fuq il-post kienu issejħu membri tal-protezzjoni ċivili u tim mediku. Issejħet ukoll ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi serji.

Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta maġisterja mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.