Futbol Sport

Joseph Cefai ta’ Xewkija Tigers jirbaħ il-Plejer tax-Xahar tal-GFA għal Novembru

Il-captain ta’ Xewkija Tigers Joseph Cefai rebaħ l-unur tal-GFA Plejer tax-Xahar għal Novembru. Cefai li għandu 33 sena, hu prodott ta’ Xewkija u għamel id-debutt magħhom lura fl-istaġun 2001/2002. Mat-tim Għawdxi rebaħ kull unur fosthom erba’ kampjonat, sitt darbiet it-Tazza GFA u ħames darbiet is-Super Cup.

Wara bidu diżappuntanti għall-istaġun fejn tilfu l-finali tas-Super Cup u kellhom logħbiet inkonsistenti, Xewkija rkupraw u bħalissa jinsabu fit-tieni post fil-klassifika, fis-semifinali tat-Tazza GFA kif ukoll fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy.

F’Novembru, Cefai kien strumentali fir-rebħa ta’ 3-1 li Xewkija kellhom fuq Kerċem Ajax fejn kien importanti u serva żewġ gowls għal sħabu, filwaqt li skorja gowl u serva t-tieni gowl fir-rebħa kbira ta’ 9-0 fuq Munxar Falcons.

Horace Laudi mir-Reġjun ta’ Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew lil Joseph Cefai li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata mal-unur.