Għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija Net News irċieva rapport ta’ vettura tat-tip Toyota Hilux li baqgħet dieħla f’parapett ta’ dar privata fis-Siġġiewi.
Il-każ seħħ wara s-6.30pm fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, li hija l-bypass tas-Siġġiewi li twassal lejn iċ-ċentru ta’ din il-lokalità.
Dan is-sit hu nfurmat li x-xufier ta’ 59 sena residenti s-Siġġiewi tilef il-kontroll tal-vettura hekk kif il-kundizzjonizzijiet tat-triq ma kinux ideali minħabba x-xita.
Fil-post marru Pulizija kif ukoll ambulanza li ħadet lir-raġel, li kien waħdu fil-ħin tal-inċident, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Għalkemm jidher li sofra biss feriti ħfief, ir-raġel inqabad fil-vettura u kellu jinħareġ mill-vettura grazzi għall-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.