Sport Sport Ieħor

Thomas De Giovanni jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-hockey

Thomas De Giovanni jirċievi l-unur mill-President tal-HAM Gordon Mifsud

Il-plejer ta’ Qormi Daikin Thomas De Giovanni rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-hockey wara li kien magħżul mill-klabbs l-oħra. Hu kien ippreżentat bl-unur mill-President tal-Hockey Association Malta Gordon Mifsud qabel il-finali taċ-Challenge Cup.

De Giovanni li hu prodott ta’ Qormi Hockey Club, beda jilgħab il-hockey minn età żgħira. Hu lagħab f’kull livell mill-kategorija ta’ taħt it-12-il sena sa taħt is-16-il sena u rebaħ l-unuri kollha tal-juniors.

Hu għamel id-debutt mat-tim tal-kbar fl-età ta’ 16-il sena fejn sa issa rebaħ il-kampjonat għal erba’ snin konsekuttivi kif ukoll darbtejn is-Super Cup u l-kompetizzjoni tan-knock-out. De Giovanni lagħab ukoll ma’ Qormi fil-kompetizzjonijiet Ewropej u ta’ 18-il sena lagħab mat-tim nazzjonali fil-European Nations Champions Challenge 1V fil-Litwanja. L-istaġun li għadda kien brillanti għal De Giovanni hekk kif Qormi rebħu l-unuri kollha lokali.

Thomas De Giovanni bħalissa jinsab fl-Ingilterra fejn qed jistudja f’Canterbury Christ Church University. Bħalissa hu qed jilgħab mat-tim tal-Università li jikkompetu fil-British University and College Sports, kif ukoll qed jilgħab mal-ewwel tim ta’ Canterbury Hockey Club li jilagħbu fl-Eastern Conference, diviżjoni anqas mill-Kampjonat Nazzjonali.

Tags