Bdejna sena ġdida, u l-istudenti tal-MCAST għadhom bla flus. Dan minkejja l-wegħdi li saru, u l-fatt li issa għaddew xhur mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida; għexieren ta’ studenti għadhom qed jistennew il-ħlasijiet dovuti lilhom.
Net News jinsab infurmat li wħud mill-istudenti la rċivew il-maintenance grant, li hi somma li tingħata fil-bidu ta’ sena skolastika, u lanqas l-istipendji. Il-problema ilha għaddejja għal xhur, tant li rappreżentanti tal-Kunsill Studenti MCAST, immexxi mill-Pulse, fl-aħħar ġimgħat kienu talbu laqgħa mal-amministrazzjoni.
F’din il-laqgħa, huma kienu mwegħda li l-grants se jinħarġu sas-7 ta’ Diċembru waqt li dawk li ma rċivewx l-ewwel stipendju kienu se jiħduh fit-30 tax-xahar, meta joħroġ it-tieni pagament tal-istipendju.
Madakollu Diċembru wasal u għadda, bdiet sena sena ġdida, u dawn l-istudenti la raw pagament u lanqas l-ieħor. Huma biss ftit minn dawn l-istudenti li rċivew biss parti mill-flus dovuti lilhom.
F’kummenti fi grupp tal-istudenti tal-MCAST, uħud mill-istudenti ddikjaraw li kellhom imorru jittalbu għal flushom u wħud saħansitra bagħtu korrispondenza lill-Prim Ministru, iżda baqgħu fejn kienu.
Studenti li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif din is-sitwazzjoni hi inġusta anke għall-fatt li huma ristretti kemm jistgħu jaħdmu.
Dan hekk kif regoli marbuta mal-ħruġ tal-istipendju jillimitaw l-ammont ta’ sigħat li student jista’ jaħdem. Jekk jinqabżu dawn is-sigħat, l-istudent jirriskja li jitlef l-istipendju.
Minkejja dan, l-istess studenti kienu affaċċjati b’diversi spiżi biex ikomplu l-istudji tagħhom; minn spejjeż marbuta mal-korsijiet rispettivi u xiri ta’ kotba, għal spejjeż relatati mal-ivvjaġġar.
Net News hu nfurmat li f’xi każi kien hemm taħwid u nuqqas anki fil-proċess tal-applikazzjonijiet, dan hekk kif ħafna kienu qed jirċievu emails li l-applikazzjoni ma bdietx tiġi proċessata jew li mhux ikkonfermata.
L-istudenti affettwati minn dan it-taħwid kienu mitluba jaġġornaw l-applikazzjoni tagħhom, iżda meta ppruvaw jagħmlu dan ġew affaċċjati minn messaġġ li l-aċċess għall-formola tal-applikazzjoni ġie rifjutat.
//= $special ?>