Futbol Sport

Cardiff City: Allegat każ ta’ bullying iwassal għar-riżenja ta’ Craig Bellamy

Craig Bellamy irriżenja minn kowċ tat-tim ta’ taħt it-18-il sena ta’ Cardiff City, fost allegazzjonijiet li plejer tal-akkademja sofra minn bullying taħt idejh. Bellamy qed jiċħad l-allegazzjonijiet iżda deċieda li jwarrab mir-rwol meta għaddejja investigazzjoni mill-klabb ta’ Wales li qiegħed jikkompeti fil-Premier League Ingliż.

L-istampa qalet li Cardiff irċevew l-ilmenti dwar Bellamy – eks-plejer nazzjonali ma’ Wales u li lagħab fost oħrajn ma’ Newcastle U, Manchester City u Liverpool – rigward l-allegat trattament ta’ plejer Ingliż żgħażugħ li ma baqax fuq il-kotba tal-Bluebirds.

Intant, Bellamy qal li qed jikkoopera bis-sħiħ mal-investigazzjoni u li hu warrab mill-coaching staff fuq il-volontà tiegħu anki jekk qed jirrifjuta kategorikament l-akkuża ta’ bullying.

Hu anki fittex il-parir legali, bis-sorsi jgħidu li hu mistenni jirritorna fir-rwol li kellu mal-konklużjoni tal-investigazzjoni. Craig Bellamy, li għandu 39 sena, irtira bħala plejer professjonali fl-2014 qabel aċċetta li jkun kowċ mal-akkademja ta’ Cardiff City.