Id-Dinja tal-Formula 1 fil-preżent qed turi l-apprezzament għas-sewwieq leġġendarju Ġermaniż Michael Schumacher, li, fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ Mercedes, Toto Wolff, ‘bidel darba għal dejjem u għolla ‘il fuq il-profil ta’ dan l-isport.’
Schumacher, li, illum, għalaq 50 sena, kien champion tad-dinja għal seba’ darbiet u kiseb postu fl-istorja bħala l-aktar sewwieq tal-Formula 1 li qatt għamel suċċess, bir-rebħ ta’ 91 Grand Prix jibqa’ rekord.
Fl-2013, hu sofra ġrieħi serji f’rasu waqt li kien qed jipprattika l-isport tax-xitwa u ma deher qatt aktar fil-pubbliku. Filwaqt li Schumacher qed jingħata t-trattament fid-dar tiegħu fl-Iżvizzera ftit hemm dettalji dwar jekk (u kemm) hu qed jagħmel progress.
Schumacher iddebutta fil-Formula 1 fl-1991, mat-tim ta’ Jordan, qabel issieħeb ma’ Benetton li magħhom rebaħ żewġ titli konsekuttivi fl-1994 u l-1995.Wara hu ngħaqad ma’ Ferrari ( fl-1996) fejn gawda perjodu ta’ suċċess storiku mas-Scuderia, bir-rebħ ta’ ħames kampjonati tal-F1 bejn l-2004 u l-2004. Hu kien irtira mill-isport fl-2006 iżda, erba’ snin wara, irritorna ma’ Mercedes għal tliet staġuni, qabel irtira għat-tieni darba.
Filwaqt li mexxa l-eloġji għal Schumacher u l-kontribut tiegħu lill-Formula 1, Toto Wolff, illum, fakkar, fost oħrajn, ‘fir-rekord inkredibbli ta’ Michael li għadu sallum mhux megħlub’. Wolff kompla li Schumacher, bħala sewwieq, kien strumentali biex il-Formula 1 iżid fil-kwalità u l-livell u fejn spikkaw l-attenzjoni li hu kien juri għal kwalunkwe dettall, flimkien mal-għarfien uniku li kellu dwar l-aspett tekniku tal-isport.
Fl-aqwa tal-karriera tiegħu, Michael Schumacher kien magħruf speċjalment għad-determinazzjoni biex jegħleb kull sfida u fejn hu kien jistudja u janalizza l-metodi ġodda biex jibqa’ protagonista ta’ dawn it-tlielaq.
Minkejja li Schumacher qatt ma rebaħ tellieqa ma’ Mercedes, Toto Wolff, illum, iqisu bħala ‘wieħed mill-fundaturi tas-suċċess tat-tim għal dawn l-aħħar ħames snin’ u li fihom (Mercedes) rebaħ ħames titli konsekuttivi.
//= $special ?>