Il-manager ta’ Manchester United, Ole Gunnar Solskjaer, għamilha ċara li hu jixtieq li jkompli f’dan ir-rwol – li ngħatalu għal żmien temporanju – anki wara s-sajf. Dan fost indikazzjonijiet li d-diriġenti f’Old Trafford huma impressjonati ħafna bil-wirjiet tat-tim mindu n-Norveġiż ( eksplejer u eroj tar-Red Devils) ħa r-riedni wara t-tkeċċija (f’Diċembru) tal-eksmanager, Jose Mourinho.
Kemm ilhom taħt it-tmexxija ta’ Solskjaer, Manchester United – wara l-bidu diżastruż għall-kampjonat – rebħu erba’ logħbiet konsekuttivi għall-ispejjeż ta’ Cardiff ( 5-1), Huddersfield (3-1), Bournemouth (4-1) u Newcastle Utd (2-0). Ir-rebħa fuq Newcastle tfisser, intant, li Solskjaer sar biss it-tieni manager fl-istorja tal-klabb li rebaħ l-ewwel erba’ logħbiet tiegħu fil-league – l-istess bħall-mibki Sir Matt Busby, fl-1946.
Intant, meta l-ġurnalisti staqsew lil Solskjaer ( wara l-logħba ma’ Newcastle) jekk hu għandux jitlaq ir-riedni tat-tim f’Mejju, mat-tmiem tal-kampjonat, in-Norveġiż insista li ‘irid ikompli bħala manager ta’ Manchester United għat-tul taż-żmien’.
Solskjaer aċċetta l-inkarigu attwali wara li ngħata l-permess mingħand il-klabb Norveġiż ta’ Molde u meta kelliema għal dan il-klabb qalu li ‘kienu biss qed jisilfuh’ għal dan il-perjodu. Dan fost indikazzjonijiet li d-diriġenti ta’ Molde qegħdin jistennew li Solskjaer jirritorna bħala manager tal-klabb Norveġiż mat-tmiem tal-istaġun tal-Premier League.
Meta tkellem dwar il-bidu impressjonanti tiegħu bħala caretaker manager ta’ United u l-fatt li ‘hu qed ikun ipparagunat ma’ Matt Busby ( li kien manager bejn l-1945 u l-1969 u għal darb’oħra fl-istaġun 1970-71)’, Ole Gunnar Solskjaer qal li filwaqt li jinsab kuntent bil-wirjiet tat-tim, hu mhux qed jaħseb wisq fil-kisbiet storiċi għalih personali u li hu jrid jistinka biex United ikomplu għaddejjin b’dan ir-ritmu pożittiv.
Fil-preżent, Manchester United jinsabu fis-sitt post tal-Premier League, bi tliet punti taħt Arsenal, u fejn qegħdin jittamaw f’sensiela ta’ riżultati pożittivi li jgħinuhom jiksbu u jikkonsolidaw posthom mal-ewwel erba’ tal-kampjonat.
//= $special ?>