Lokali Saħħa

Infittxu dieta bilanċjata li ma tagħmilx ħsara

Bosta huma dawk li wara l-festi tal-Milied, l-ewwel riżoluzzjoni li jagħmlu tkun dik li jibdew id-dieta, però tajjeb li dieta tkun waħda bilanċjata u ma’ tagħmilx ħsara lil saħħtek.

NetNews iltqajna mat-tabiba Charmaine Gauci, illi tkellmet magħna fuq kif għandna nagħmlu d-dieta u fuq kif din id-dieta għandha tkun dejjem magħmula preferibbilment minn ikel frisk.

Qaltilna li biex iżżomm piż tajjeb għas-saħħa, li tiekol l-ammont xieraq irid ikun parti permanenti mill-istil tal-ħajja tiegħek. In-nies spiss jibdew dieta biex jitilfu l-piż – u spiss jibdew b’suċċess – iżda meta jieqfu mid-dieta, is-soltu jerġgħu jiżdiedu. Id-dieti kollha ta’ telf tal-piż jaħdmu billi jnaqqsu l-ammont ta’ kaloriji.

It-tabiba Gauci qaltilna li l-aħjar huwa li żżomm ma’ gruppi ta’ ikel sħaħ (bħall-karboidrati) fid-dieta tiegħek biex tevita dieta mingħajr bilanċ ta’ nutrijenti b’effetti sekondarji potenzjali fit-tul. Kelmitna fuq l-importanza ta’ wieħed anki li jieħu ċ-ċereali, il-frott u l-ħaxix u kif ukoll niksbu l-proteini permezz tal-laħam u l-ħut.

Kellmitna wkoll fuq l-importanza tal-ilma, u fuq kif għandna nżommu l-ġisem dejjem attiv. Li tkun fiżikament attiv (dan mhux bilfors ifisser li tmur il-gym; jista’ jkun li timxi iktar minflok ma toqgħod bilqiegħda) huwa parti importanti minn stil tal-ħajja tajjeb għas-saħħa, iżda huwa partikolarment siewi biex ma terġax iżżid dak il-piż li tkun tlift.

Tkellimna magħha fuq l-importanza illi jekk se tieħu l-vittamini, dawn teħodhom b’parir mingħand professjonista mediku jew xi ħadd li jkun studja fuq is-saħħa.

Alicia Galea, li hi nutritionist, ukoll iffukat fuq l-importanza ta’ dieta bilanċjata. Hija tatna xi parir fuq kif għandu jkun il-konsum tal-ikel, u kif mill-ġdid għandna nerġgħu nirritornaw fir-rutina tas-soltu. Hija qaltilna li m’għandekx għalxiex tinkwieta li fiż-żmien tal-Milied tkun kilt aktar mis-soltu, però huwa importanti li issa terġa tissokta n-norma. Bi tbissima fuq wiċċha qaltilna li biex jerġa’ jkollok il-piż li kellek qabel il-festi, ftit li xejn hemm bżonn ta’ sforz, madankollu tirrikjedi ftit kontroll fuqek innifsek u li r-rieda ma tonqosx.

Minn ikollu bżonn għajnuna jista’ jagħmel kuntatt kemm mas-Settur tal-Promozzjoni tas-Saħħa, ma’ tabib jew anki ma’ nutritionist, biex ikunu jistgħu jagħmlu dieta b’bilanċ u li ma tagħmilx ħsara.

Għal aktar informazzjoni hemm ukoll in-numru 23266000 biex wieħed jitkellem mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Ikkummenta