Internazzjonali

Jitressqu l-qorti għall-ewwel darba dwar il-qtil ta’ Khashoggi

Jamal Khashoggi

Il-midja fl-Arabja Sawdija rrapportat li dawk suspettati wara l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi tressqu l-qorti għall-ewwel darba.

Intqal li l-prosekuzzjoni qed titlob il-piena tal-mewt għal ħamsa mill-11 li tressqu imma fi stqarrija qasira li nħarġet ma ngħataw ebda ismijiet tal-akkużati.

Khashoggi, li kien jikteb għall-Washington Post, kien inqatel fit-2 ta’ Ottubru fil-konsolat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul fit-Turkija. Hu kien mar jgħix l-Istati Uniti minħabba l-kritika tiegħu għall-Prinċep Ereditarju Mohammed bin Salman.

It-Turkija qalet li kienet qasmet l-evidenza li kellha dwar il-każ kemm mal-Arabja Sawdija kif ukoll ma’ pajjiżi oħra. Imma fis-smigħ tal-bieraħ intqal li l-prosekuzzjoni Sawdita kienet talbet lit-Turkija għall-evidenza kollha li għandha dwar il-każ imma s’issa ma kenitx ingħatat tweġiba.