Il-każ tal-Ukrena li sfat attakkata fil-ħanut tagħha f’San Pawl il-Baħar f’nofs il-gimgha jidher illi kien eskalazzjoni ta’ argumenti li ilhom għaddejin għal dawn l-aħħar xhur.
Anastasiya Rallo ta’ 35 sena, propjetarja ta’ ħanut tas-sbuħija, tkellmet ma’ In-Nazzjon fejn irrakkuntat l-esperjenza li għaddiet minnha. L-argument beda hekk kif hi kienet qed tnaddaf barra l-ħanut taghha, u l-ġara minn ġol-gallarija bdiet tgħaddi kummenti spjaċevoli. Kien hawnhekk li Anastasiya irritaljat.
Jirrizulta li l-argument eskala aktar bl-Ukrena tispiċċa taqla daqqa ta’ flixkun tal-birra mal-ġenb ta’ rasha. Il-mara marret fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta fejn imbagħad intbagħtet l-isptar Mater Dei fejn hemmhekk għamlet ukoll MRI.
Meta staqsejnieha dwar ir-relazzjoni tagħha mal-ġirien, Anastasiya qalet li l-argumenti ilhom għaddejin xhur, saħansitra sa minn meta hi kienet qed tirranġa l-ħanut. Fil-fatt diġa fil-passat kien hemm kas fil-qorti bejnha u bejn waħda mill-membri tal-familja konċernata. Semmiet kif uħud mill-membri tal-familja ġirien kienu saħansitra jiktbu posts malafamanti fil-konfront tagħha fuq facebook u jarmu żibel mal-faċċata tal-ħanut tagħha.
Anastasiya marret mill-ewwel tagħmel rapport l-għassa fejn bdew l-investigazzjonijiet. Hi reġgħet issejħet għat-tieni darba, u hawnhekk Anastasiya qed tallega li l-verżjoni tagħha mhix tingħata l-attenzjoni anzi, minflok qed tkun hi deskritta bħala bully minħabba li rritaljat.
L-Ukrena issa tixtieq biss li tgħix u taħdem b’serenita’ u mhux bil-biża li terġa tkun attakkata.
Dwar dan il-kas il-pulizija qed tkompli tinvestiga.