Lokali

Piż ġdid għal min se jixtri propjetà

Fi żmien meta pajjiżna għaddej minn żieda qawwija fix-xogħol tal-kostruzzjoni, mill-bidu ta’ din is-sena, ix-xerrej il-ġdid se jsib ma’ wiċċu piż ġdid. Dan flimkien mal-uġigħ ta’ ras tal-prezzijiet dejjem jogħlew u minkejja l-wegħda tal-Gvern fil-Budget għall-2019 li mhux se jzid taxxi u piżijiet ġodda.

Ħaddiem li tkellem ma’ NET News qal li b’effett minn din is-sena, żdiedu sostanzjalment il-prezzijiet tal-ġarr u r-rimi tat-terrapien mis-siti tal-kostruzzjoni. Fil-każ tar-rimi, daħlet fis-seħħ żieda ta’ żewġ ewro għal kull tunnellata li tintrema’.

Għalkemm din iż-żieda tidher waħda baxxa, il-ħaddiem fis-settur tal-kostruzzjoni spjega ma’ dan l-istazzjon li tunnellata terrapien tinġabar minn għoli ta’ madwar filata u nofs biss. Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkalkula kemm-il tunnellata terrapien tkun qed tintrema’ f’każ ta’ dar sħiħa, li oriġinarjament tkun għolja madwar żewġ sulari.

Il-ħaddiem spjega li barra minhekk, daħlet fis-seħħ ukoll żieda fil-prezzijiet ta’ kull vjaġġ li jsir bit-terrapien. Il-prezzijiet ivarjaw skont id-daqs tat-trakk … bejn 10 u 20 ewro fil-każ tat-trakkijiet iż-żgħar, 50 ewro fil-każ tat-trakkijiet b’sitt roti u bejn 60 u 65 ewro fil-każ tat-trakkijiet bi tmien roti.

Minħabba l-ammont ta’ terrapien li jkun hemm, l-aktar daqsijiet li normalment jintużaw huma dawk ta’ b’sitt u bi tmien roti. Għaldaqstant, iż-żieda se tkun ta’ bejn 50 u 65 ewro għal kull vjaġġ.

Fuq kollox, spjega l-ħaddiem li tkellem ma’ NET News, din iż-żieda fl-ispejjeż tispiċċa tgħaddi għand min ikun se jixtri propjetà ġdida. U dan kollu jistona mal-ħalfa tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li fil-qari tal-Budget 2019 kien qal li mhux se jdaħħal taxxi ġodda

Iżda kif mistenni, din il-wegħda tal-Ministru tal-Finanzi ma tantx ittieħdet bis-serjetà minn ħafna. Dan hekk kif kulħadd dera li taħt il-Gvern ta’ Muscat, it-taxxi u ż-żidiet fil-prezzijiet jibdew deħlin fin fin matul it-12-il xahar li jsegwu.

Dan rajnih ukoll is-sena li għaddiet, meta minkejja l-istess wegħda fil-Budget ta’ qabel, matul l-2018 il-Maltin u l-Għawdxin intlaqtu minn żidiet fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, kif ukoll fil-prezzijiet ta’ għadd ta’ affarijiet bażiċi – fosthom il-ħobż, il-gass, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.