It-tennista Numru 3 tad-dinja, Caroline Wozniacki, kontra kull mistenni tilfet mal-plejer Kanadiża, Bianca Andreescu, fil-konfront tal-aħħar sittax tal-ASB Classic li qed jintlagħab f’Auckland, fi New Zealand.
Id-Daniża, li kienet it-top seed f’dan it-tournament, kellha tbaxxi rasha, 4-6, 4-6, kontra avversarja ta’ 18-il sena li tinsab fil-152 post tar-rankings u wara li hi falliet milli tikkonverti għaxra minn tnax-il break points f’dan il-konfront li dam għal sagħtejn u tnax-il minuta.
B’hekk, Andreescu qed tipprepara għall-konfront li jmiss kontra l-veterana Amerikana, Venus Williams, li hi rebbieħa ta’ seba’ Grand Slams.
Williams, min-naħa tagħha, ma sabithiex diffiċli biex telimina lill-kompatrijotta, Lauren Davis, 6-4, 6-3, biex tibbukkja postha fil-kwarti-finali tat-tournament.
BRISBANE INTERNATIONAL: F’dan it-tournament li qed jintlagħab fl-Awstralja, it-tennista Naomi Osaka, ir-rebbieħa tal-US Open, evitat sorpriża meta rnexxielha tegħleb l-isfida qawwija mingħand Anastasija Sevastova tal-Latvja, 3-6, 6-0, 6-4.
Il-plejer Ġappuniża, issa, għandha tiffaċċja lil xi ħadd minn Lesia Tsurenko tal-Ukrajna jew Anett Kontaveit tal-Estonja, fis-semi-finali.
Intant, l-Australian Open, li hu l-ewwel tournament Grand Slam tas-sena, se jibda fl-14 ta’ Jannar.
//= $special ?>