Lokali Saħħa

Tħassib li l-influwenza se tgħolli rasha

Il-prevenzjoni, is-sintomi u l-kura tal-influwenza

Issa li l-istaġun tax-xitwa irranka sewwa, terġa tfeġġ u tgħolli rasha l-influwenza.

Dwar dan tkellimna mat-tabiba Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, fejn spjegatilna d-differenza bejn meta jkollok riħ u meta jkollok l-infuwenza. It-tabiba Gauci kellmitna wkoll fuq is-sintomi ta’ din l-istess marda. Hija qaltilna fuq kif is-sintomi tal-influwenza jkunu li jħallu impatt u uġigħ ma’ ġismek kollu. Fi ftit kliem ma tkunx tiflaħ tiċċaqlaq. Ir-riħ minn band’oħra ma jkunx daqstant gravi.

L-użu żejjed u l-użu ħażin tal-antibijotiċi jwassal għal reżistenza għall-antimikrobiċi. Jekk għandek riħ biss, ħu ħsieb, li ma tieħux antibijotiċi għalxejn.

Hija appellat biex għal kull sintomu għandna dejjem infittxu parir mediku u mhux u minn ikollu d-dubji jew xi mistoqsijiet dejjem għandu jkellem lit-tobba. It-tabiba Gauci qaltilna li wieħed għandu jieħu l-antibijotiċi meta dawn jkunu mogħtija mit-tabib, u mhux jeħduhom minn jeddhom.

L-influwenza tkun fl-agħar tagħha bejn Diċembru u Jannar, għalhemm f’Malta din taf iġebbed ġieli sa’ Marzu jew anki April.

Fl-istess intervista hija qaltilna li l-aktar persuni li jkunu vulnerabbli quddiem l-influwenza jkunu l-anzjani u t-tfal taħt il-ħames snin. It-tabiba Gauci insistiet magħna fuq kemm hu importanti li wieħed jieħu ħsieb saħħtu billi ma jmurx f’postijiet b’wisq nies, u biex it-tfal li jkunu daqsxejn morda ma jmorrux l-iskola. Dr Charmaine Gauci, żiedet li hu importanti li min ikollu l-influwenza jaħsel idejh immedjatament wara li jagħfas, u jarmi t-tissue li jkun uża.

Fid-dar, jekk hemm xi ħadd ma jiflaħx, wisq probabbli li se jmarrad lill-familja kollha. Idealment, min ikun ma jiflaħx joqgħod f’kamra waħdu u juża oġġetti għalih biss biex il-mard tiegħu ma jitteħidx. Tajjeb ukoll li min ikun ma jiflaħx jaħsel spiss idejh bis-sapun sabiex il-mikrobi ma jinxterdux.

Ix-xogħol huwa iktar diffiċli tillimita t-tixrid tal-mard. Dan għax jekk hemm ħafna nies jaħdmu f’kamra waħda kbira, il-virus hemm ċans li jdur lil kulħadd u l-mikrobi ma tantx ikunu jistgħu jiġu evitati. L-aħjar huwa li jinfetħu t-twieqi ta’ spiss u tieħu pawża qasira biex ma tibqax fl-istess post tibla’ l-ħin kollu n-nifsijiet ta’ ħaddieħor.

It-tabiba Gauci qaltilna li l-ħasil tal-idejn hija regola oħra importanti – x’ħin tasal ix-xogħol jekk tuża t-trasport pubbliku tajjeb li qabel tibda taħsel idejk – filwaqt li huwa wkoll rakkomandat li jiġu diżinfettati t-telefown u tagħmir ieħor li jintuża spiss minn kull min ikun hemm fl-istess kamra fuq il-post tax-xogħol. Idealment jiġu evitati postijiet magħluqin.

L-ikel huwa essenzjali wkoll biex iżżomm ruħek san. Tajjeb li tiekol ftit u minn kollox biex b’hekk tieħu n-nutrijenti meħtieġa għall-ġisem u l-vitamini wkoll l-iktar il-vitamina Ċ. Anke jekk bħalissa il-ksieħ u l-bard, tajjeb li toqgħod ftit fl-apert – filkaż kemm tilbes sew u oħroġ għal passiġġata f’postjiet fejn tista’ tieħu arja nadifa.

L-appell f’dawn il-jiem huwa biex dawk kollha li għadhom interessati li jitlaqmu bi prevenzjoni għall-influwenza għandhom immorru bejn l-10am u l-5pm fiċ-Ċentri tas-Saħħa. It-tilqim miġjub Malta hu dak rakkommandat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), ta’ żewġ tipi: influwenza A u B.