Internazzjonali

Vettura spazjali fuq in-naħa mudlama tal-qamar

Għal ħabta tat-tlieta u nofs ta’ dalgħodu, ċ-Ċina niżżlet għall-ewwel darba fit-tarf nett tal-qamar vettura spazjali robotika. Dan qed ikun deskritt bħala mument ieħor importanti peress li din il-parti tal-qamar qatt ma ġiet esplorata. Grazzi għal din il-vettura spazjali, li issemmiet Chenge 4 mistennija jsiru esperimenti bijoloġiċi, testijiet fuq il-ġebel li jinsab fuq din il-parti tal-qamar kif ukoll se titkejjel ir-radjazzjoni li hemm.

Din qed tkun deskritta bħala missjoni speċjali peress li missjonijiet oħra spazjali fil-passat dejjem esploraw in-naħa tal-qamar li tħares lejn id-dinja, filwaqt li din id-darba se tkun esplorata n-naħa l-oħra, in-naħa li dejjem tkun fid-dlam. Ħafna ddeskrivew din il-missjoni bħala waħda ambizzjuża u fil-fatt il-Gvern Ċiniż kien kawt ħafna, tant li ta l-aħbar biss hekk kif il-vettura messet mal-qamar. Din il-missjoni kienet organizzata bħala proġett massiċċ minn naħa taċ-Ċina bil-għan li tistabilixxi ruħha bħala qawwa fir-riċerka spazjali fis-snin li ġejjin.