Il-Home Concert annwali li ttella’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Elena ta’ Birkirkara għal żmien il-Milied din id-darba ħa bixra differenti.
Dan hekk kif is-Sibt filgħaxija, din il-banda Karkariża, magħrufa aħjar bħala tal-Bagri, se ttella’ Programm Mużikali tal-Epifanija fil-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Sant’ Elena fis-7.30pm taħt il-patroċinju tal-Prepostu Arċipriet Mons. Paul Carmel Vella.
F’dan il-Programm, il-Banda Sant’ Elena se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella u permezz tiegħu, l-Għaqda se tiftaħ uffiċjalment il-festi ċentinarji mit-twaqqif tagħha. L-Assistent Surmast, Anthony Carbonaro, elabora magħna aktar dwar l-għażla mużikali għas-Sibt filgħaxija:
“Programm Mużikali fil-Bażilika jitlob li tindaqq Mużika Sagra bħal-Largo mill-opra Xerxes u laqta mużikali tal-Milied bħas-Sinfonia Pastorale. Se tieħu sehem il-kantanta Kristy Spiteri li mal-banda se tkanta O Mio Bambino Caro u Ave Maria, b’arranġament ta’ Simon Ellul. Is-solista tal-post, Alan Saliba, imbagħad se jintepreta Gabriel’s Oboe fuq il-Baxx. L-Halleluljah mill-Messiah finalment tagħlaq dan il-Programm ta’ Mużika Sagra.”
Dan il-programm imżewwaq b’diversi kompożizzjonijiet, fosthom ta’ George Frideric Handel, Giacomo Puccini, Ennio Morricone u Emmanuele Galea, se jagħlaq bl-Innu Marċ 100 Sena Banda Sant’ Elena, tal-istess Mro Joseph Vella li se jiżżanżan dakinhar bħala l-innu uffiċjali għal dawn il-festi.
Anthony Carbonaro temm jitkellem magħna dwar x’attivitajiet speċjali hemm imħejjija għall-ewwel nofs ta’ din is-sena:
“Il-banda se tagħmel 4 recordings din is-sena. Filfatt wieħed diġà sar, dak tal-Valzi u jkun jonqos tal-marċi proċessjonali, tal-marċi brijużi antiki u l-marċi funebri. Fit-2 ta’ Mejju, il-Banda Sant’Elena se ttella’ programm barra l-Każin biex tiġi inawgurata r-restawr tal-faċċata u l-għada jkun imiss lilna biex nieħdu sehem fil-Festa ta’ Santu Kruċ fejn il-Vara ta’ Sant’ Elena se tgħaddi minn quddiem il-Każin tagħna. Il-qofol ħa jintlaħaq fit-13 t’Awwissu meta se jiżżanżan Oratorio lil Sant’Elena, mużika tas-Surmast Raymond Zammit u kliem tal-President tagħna Anthony Saliba, bil-kantanti u l-vuċijiet fil-Bażilika Elenjana.”
Il-festi ċentinarji jintemmu f’Novembru bil-Programm Mużikali ta’ Santa Ċeċilja fit-Teatru Manoel.
//= $special ?>