Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jiċċirkolaw id-data tal-politiċi f’attakk ‘serju’

Persuni mhumiex magħrufa u li setgħu kienu cyber-hackers serqu l-informazzjoni (data) ta’ mijiet ta’ politiċi Ġermaniżi — fosthom il-Kanċillier Angela Merkel – u pubblikawhom fuq il-mezzi tal-Internet.

Il-kuntatti, id-dettalji finanzjarji u s-sistemi taċ-chats privati tal-politiċi kienu ċirkulati fuq Twitter għall-iskaptu ta’ personalitajiet ma’ kull partit politiku – ħlief il-Partit AfD ( Alternattiv għall-Ġermanja) tal-lemin-estrem. Intant, kien hemm ukoll leak tad-data ta’ persuni ċelebri oħra meta ħadd ma jaf xejn dwar l-identità tal-awtur jew awturi tal-attakk.

L-ewwel rapporti qalu li l-attakk ċibernetiku ħareġ fuq Twitter bl-istil ta’ advent calendar meta l-element ta’ ħsara involuta għadha mhix magħrufa.

Madankollu, il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġermanja, Katarina Barley qalet li ‘dan kien attakk serju’ u li l-persuna jew persuni responsabbli kellhom il-ħsieb li jnaqqru l-fiduċja fid-demokrazija u l-istituzzjonijiet Ġermaniżi.

Kelliema għall-Gvern qalu, intant, li ma kienet pubblikata l-ebda data sensittiva mill-Uffiċċju tal-Kanċillier Merkel. Iżda numru sostanzjali ta’ deputati parlamentari, MEPs u deputati mal-assemblej tal-Istati Ġermaniżi kienu affettwati minn dan l-attakk.

L-indikazzjonijiet kienu li l-Gvern mhux ċert mija-fil-mija li l-informazzjoni inkwistjoni sfat misruqa minn cyber-hackers ‘b’missjoni partikulari’. Ma kienx eskluż, intant, li persuna – permezz tal-ħidma tagħha – setgħet kellha aċċess għad-data sensittiva partikulari u li din ‘iddeċidiet li tiċċirkolaha ma’ kulħadd’.

Analisti fil-qasam ċibernetiku, fl-istess ħin, irreferew għall-ispekulazzjoni li xi hackers setgħu sfruttaw aspetti vulnerabbli fl-email software biex jiksbu l-passwords li l-politiċi kienu użaw ukoll għall-accounts tal-media soċjali.

Il-Uffiċċju Federali (tal-Ġermanja) għas-Sigurtà tal-Informazzjoni (BSI) qal li n-networks tal-Gvern ma dehrux affettwati f’din is-sitwazzjoni u lanqas ma deher li seta’ kien żvelat xi materjal ‘mill-aktar sensittiv’.

Madankollu, il-volum assolut tad-data personali involut fil-każ qed jissuġġerixxi li l-konsegwenzi tal-attakk kapaċi jkunu ‘konsiderevoli’.