Is-Slaten Maġi, iktar minn qatt qabel, din is-sena kellhom vjaġġ sinifikanti hekk kif waslu f’Malta propju minn Betlehem għall-għaxar edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem.
Filfatt wara żjara f’diversi nħawi ta’ Betlehem, fejn saħansitra kellhom l-opportunità li jirkbu l-iġmla, issa jmiss li jduru pajjiżna qabel il-Ħadd jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom: ‘Betlehem f’Għajnsielem.’
Iżda qabel il-wasla tagħhom f’Għawdex, il-Maġi se jkunu qed iduru biż-żwiemel madwar pajjiżna. Għada, bejn l-10:00 u s-14:00 il-pubbliku se jkun jista’ jiltaqa’ magħhom fi Pjazza San Ġorġ u fil-Palazz tal-President fejn dak li jkun jista’ jagħti donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Wara nofsinhar imbagħad jibda vjaġġ lejn il-Ħamrun, fejn jintlaqgħu mill-komunità tal-Franġiskani u saħansitra jżuru l-presepju biswit il-Knisja ta’ San Franġisk.
Dan qabel jibdew vjaġġ lejn il-Mosta fejn jintlaqgħu mill-banda lokali biex jisbħu hemm u l-għada filgħodu imbagħad jerħulha lejn id-dar tal-anzjani tal-Mellieħa. Fil-11:00, fil-Pjazza tal-Mellieħa ssir reanactment tal-laqgħa ma’ Erodi.
Filfatt ikun kmieni wara nofsinhar li l-vjaġġ tagħhom jilħaq il-qofol tiegħu, meta l-Maġi abbord il-vapur t’Għawdex jaqsmu lejn iċ-Ċirkewwa, biex fit-15:00 ssir id-daħla trijonfali f’Għajnsielem.
//= $special ?>