Lokali

Jibqgħu jistennew li xi port jaċċetta l-iżbark tagħhom

Wieħed mid-49 immigrant li qattgħu il-festi li għaddew bejn sema u ilma, intefa’ fil-baħar minn fuq il-vapur li kien salvah. Hu għamel dan hekk kif qorob lejhom vapur ieħor li kien mar biex jagħti sokkors u provvisti lil żewġ vapuri li 14-il jum ilu salvaw total ta’ 49 persuna.

Tweet ta’ Sea Watch jgħid li l-immigranti ilhom ġimgħatejn iħarsu lejn il-kosta Ewropea mingħajr ma jistgħu jirfsu fuq l-art u appella biex jingħataw iċ-ċans jiżbarkaw f’xi port.

Il-grupp ta’ 49 immigrant li jinkludi fih nisa u tfal, ghadhom qed jistennew port sigur fejn jizbarkaw sabiex ikunu jistghu jittiehdu minn Franza, il-Germanja u l-Olanda – it-tliet pajjizi li diga’ offrew l-appogg taghhom biex tintemm din is-saga.

Sa issa l-immigranti ilhom 14-il jum abbord żewġ vapuri wara li ġew salvati ‘l barra minn Malta meta kienu fuq dgħajsa tal-injam, tliet ijiem biss qabel il-Milied.

Il-Ġimgħa filgħodu, il-vapuri Sea Watch u Mediterranea baħħru lejn is-Sea Watch 3 u s-Sea Eye li fuqhom jisabu dawn l-immigranti.

Il-vapuri Sea Watch u Mediterranea għandhom tlett missjonijiet – l-ewwel li jwasslu provvisti fuq iż-żewġ vapuri l-oħra kif ukoll li jinbidel il-crew, it-tieni li jwasslu rapprżentanti tal-Parlament Ġermaniż u tal-Knisja biex jaraw l-istat tal-persuni abbord sabiex ikunu jistgħu jirrappurtaw lura lil-Gvern f’Berlin, u t-tielet biex iwasslu ġurnalisti Taljani u Ġermaniżi li se jkunu qed jirrappurtaw dwar il-ksur tas-saltna tad-dritt fil-Mediterran.