Knisja Lokali

Jinstabu l-oriġini tal-ħames beata ta’ nisel Malti

Beata ġejja minn familja Għargħurija

Kien fit-8 ta’ Diċembru li għadda meta l-Papa Franġisku bbeatifika 19-il martri li bejn l-1994 u l-1996 inqatlu minn Iżlamisti fl-Alġerija.

Fost dawn Suor Angele-Marie Littlejohn, li riċerka li saret fl-aħħar ġimgħat wasslet biex sar magħruf li għandha nisel Malti, hekk kif kienet wild Gulielmu Littlejohn, imwieled u mgħammed fil-Għargħur.

Ir-riċerka, bis-sehem tal-Parroċċa ta’ San Bartilmew, l-Arkivji Nazzjonali, Aid to the Church in Need u l-Kummissjoni Emigranti wasslet biex inkixfet stampa ċara tal-wirt Malti ta’ Suor Angele-Marie.

Ir-riċerka sabet li Gulielmo kien emigra minn Malta għal Tunis, b’passaport Malti maħruġ fil-5 ta’ Frar 1921 fejn iżżewweġ 11-il sena wara lil Viola Simona Maria, li wellditlu lil Jeanne li tgħammdet fil-Katidral ta’ Kartaġni.

Ta’ 24 sena Jeanne daħlet soru mas-Sister of our Lady of the Apostles fejn inbidlilha isimha għal Angele Marie u ntbagħtet lejn l-Alġerija fejn ħadet ħsieb orfanotrofju u kienet popolari ferm għall-ħidma tagħha fost tfal li ma kinux jafu skola u li kienet tgħallimhom f’Boardin School u eventwalment fl-Embroidery School of Arts.

Iżda kien fit-3 ta’ Settembru tal-1995 kienet miexja lura għad-Dar fejn kienet tgħix wara l-Quddies, flimkien ma’ Suor Bibiane Leclerq. Kien hawn li nħatfu, u nstabu jiem wara b’rashom imħanxra.

Jingħad li qabel inqatlet, għal dak li l-Papa Franġisku rrefera bħala att ta’ mibgħeda lejn il-Knisja, Angele-Marie daret lejn Suor Bibiane u qaltilha: “M’għandniex nibżgħu. L-importanti li ngħixu l-mument b’mod tajjeb. Il-kumplament mhu f’idejna.”

Dun Christopher Galea, Kappillan tal-Parroċċa tal-Għargħur iddikjara li din l-aħbar hi unur għall-komunità tant li festa li ssir fil-lokalità fit-13 tax-xahar se ssir b’ringrazzjament lil Alla talli għażel soru b’nisel minn fosthom.

Bil-beatifikazzjoni ta’ Suore Angele Marie, pajjiżna issa għandu ħames persuni li għaddew mill-proċess ta’ beatifikazzjoni li huma Maltin jew ġejjin minn wirt Malti: San Ġorġ Preca, Nazju Falzon, Adeodata Pisani kif ukoll Dun Vicente Sicluna, minn Valencia iżda ta’ nisel Malti.

Dan tal-aħħar, iben Vicente Sicluna Caruana u Maria Rosaria Hernandez, kien twieled fi Spanja, iżda n-nannu tiegħu kien Felic Xikluna, li twieled f’Ħal Għaxaq u eventwalment emigra lejn Spanja.

L-istorja tgħid li Dun Vicente, Kappillan ta’ Navarra, inqatel fl-1936, waqt il-Gwerra Ċivili ta’ Spanja, b’demmu li xxerred mal-villaġġ qabel ġismu bla ħajja ntefa’ fuq ħmar fl-aħħar vjaġġ lejn iċ-ċimiterju fost it-tgħajjir.