L-eks plejer Norveġiż John Arne Riise nħatar Direttur Sportiv ta’ Birkirkara biex b’hekk l-Istripes komplew isaħħu s-settur Amministrattiv Sportiv. B’hekk Birkirkara għandhom lil Riise bħala Direttur Sportiv, lil Michael Valenzia bħala Direttur Tekniku u lil Jeffrey Farrugia bħala Team Manager.
Is-sena l-oħra, Riise li għandu 38 sena, kien f’pajjiżna diversi drabi fejn fosthom attenda sessjoni ta’ taħriġ ma’ Valletta. Fl-aħħar snin hu kien ambaxxatur ta’ kumpanija tal-gaming.
Birkirkara bħalissa għaddejjin minn bidla żgħira fit-tim hekk kif sa issa akkwistaw lil Muamer Svraka u Clayton Failla filwaqt li neħħew lil Uchenna Calistus Umeh u Edward Herrera.
Rapporti fil-media lokali qed jgħidu li l-futur tal-kowċ Paul Zammit jista’ jkun f’dubju filwaqt li Paul Fenech jinsab qrib li jħalli lill-klabb u jerġa’ jingħaqad ma’ Balzan.
Riise kellu karriera mill-aqwa bħala plejer u hu kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa talenti tal-pajjiż fl-aħħar 20 sena. Hu l-aktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali b’total ta’ 110 logħbiet.
L-aħjar tiegħu fil-karriera kien ma’ Liverpool, klabb li ngħaqad miegħu fis-sajf tal-2001. Ma’ Liverpool lagħab għal seba’ staġuni fejn magħhom rebaħ is-Super Cup Ewropea fl-2001, iċ-Champions League fl-2005 u l-FA Cup fl-2006. Hu lagħab magħhom 234 logħba li fihom skorja 21 gowl.
Wara li fl-2008 ħalla lil Liverpool, Riise lagħab għal tliet staġuni ma’ Roma u għal tliet staġuni ma’ Fulham. Bil-karriera tiegħu riesqa lejn it-tmiem, fl-2014 ingħaqad għal staġun ma’ APOEL u lagħab ukoll għal żmien qasir ma’ Delhi Dynamos, Aalesund u Chennaiyin.
//= $special ?>