Lokali Saħħa

Il-Gvern iżomm mistur każ ta’ Swine Flu f’San Vinċenz

Erba' pazjenti magħluqa f'kamra mingħajr ma jistgħu jirċievu viżitaturi

F’Serenity Ward 1 fl-Isptar San Vinċenz de Paule, hemm erba’ pazjenti f’kamra partikolari li qed jinżammu magħluqa fil-kamra mingħajr iċ-ċans li jaraw lill qraba tagħhom. Dan għaliex jirriżulta li waħda mill-pazjenti għandha l-iswine flu.

Sorsi differenti, li jinkludu staff u tobba fi ħdan l-istess residenza, ikkonfermaw dan il-kaz ma’ Net News.

L-istess sorsi spejagaw kif il-pazjenti ma jistgħux joħorġu minn kamrithom u l-istaff mhux jitħalla jidħol ħlief biex jaħsluhom. U anke hawn, mhumiex qed jittieħdu il-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi assigurata is-sigurtà kemm tal-pazjenti kif ukoll dik tal-istaff, l-aktar ta’ dawk li qed ikollhom kuntatt mal-erba’ pazjenti ta’ din il-kamra.

Net News staqsa x’seta’ wassal għall-fatt li l-pazjenta ma ġietx iżolata minn pazjenti oħra, iżda mhux ċar jekk l-isptar hux attrezzat għal każi ta’ swine flu. Mhux ċar per eżempju jekk fl-isptar hemmx kmamar apposta fejn jistgħu jitpoġġew pazjenti b’mard li jittieħed. U jekk jeżistu, mhux ċar lanqas minn min qed jintużaw.

Membri tal-istaff tal-isptar qalu lil Net News li l-isptar bhalissa hu iffulat żżejjed u mhemmx fejn jitpoġġew pazjenti ġodda.

Jidher ċar li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iżomm dan il-każ ta’ swine flu mistur. Dan b’riskju li jibqa’ jinxtered il-mard…riskju li jkompli jikber aktar hekk kif pajjiżna se jkun qed jesperjenza kesħa kbira fil-jiem li ġejjin, bl-influwenza mistennija tgholli rasha f’dan il-perijodu.