Il-maltempata tropikali mlaqqma Pabuk assedjat lit-Tajlandja fost ħalbiet tax-xita bla waqfien u rwiefen qawwija. L-elementi kienu tant li l-osservaturi qablu li l-maltempata hi l-agħar li qatt laqtet lir-reġjun għal dawn l-aħħar 30 sena.
L-ewwel elementi ta’ Pabuk straxxnaw numru kbir ta’ siġar, b’uħud jaqgħu direttament għal fuq ir-residenzi fil-provinċja ta’ Nakhon Si Thammarat.
Dan meta l-maltemp kien qed javvanza tul in-nofsinar tat-Tajlandja waqt li jaffettwa liz-zoni popolari mat-turisti.
Għalkemm eluf ta’ nies telqu mill-gżejjer ta’ Koh Tao, Koh Samui u Koh Phangan, kien hemm anki numru sinifikanti ta’ residenti – u turisti – li għażlu li jibqgħu hemmhekk huma u jittamaw li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid.
Talanqas żewġ ajruporti fit-Tajlandja kellhom jagħlqu waqt li s-servizzi tal-ferry spiċċaw sospiżi b’kaġun tax-xita u l-irwiefen kontinwi. It-turisti li baqgħu iżolati fuq il-gżira ta’ Koh Samui rrimarkaw ukoll dwar il-mewġ tal-baħar qawwi kif ukoll dwar il-qtugħ fil-provvista tad-dawl b’konsegwenza tal-elementi.
Madankollu, l-awtoritajiet fl-inħawi ta’ Koh Phangan qalu li l-barranin fuq din il-gżira ‘ma kenux imbeżżgħin’ u li dawn ‘kienu jifhmu s-sitwazzjoni’. Dan meta hemm madwar 10,000 turist fuq il-gżira partikulari.
It-tamiet kienu li l-maltemp jitlef mill-qilla aktar ma jgħaddi ż-żmien u jonqos sal-livell ta’ tropical depression. Madankollu, il-gżejjer kollha rinomati bħala zoni turistiċi fil-Golf tat-Tajlandja kellhom ikunu affettwati b’mod jew ieħor mill-elementi ta’ Pabuk li dehru bħala straordinarji anki għat-Tajlandiżi li huma mdorrija b’dawn il-maltempati.
Il-Foreign Office tar-Renju Unit u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra ħarġu bullettini ta’ allert għaċ-ċittadini tagħhom fit-Tajlandja li qed ikunu avżati biex jevitaw kull tip ta’ ivvjaġġar mhux għal kollox neċessarju lejn il-provinċji qrib il-fruntiera Tajlandiża mal-Malasja.
//= $special ?>

