Il-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana, kontrollata mid-Demokratiċi, ivvutat biex ittemm shutdown parzjali tal-Gvern li ilu effettiv mix-xahar li għadda. Intant kien kważi ċert li l-pass kellu jkun suġġett għall-veto tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Is-sitwazzjoni ta’ shutdown ilha fis-seħħ mix-xahar li għadda meta l-Kungress u l-President Trump naqsu milli jilħqu ftehim dwar l-abbozz għall-baġit.
Donald Trump qal li għandu jiċħad kwalunkwe miżura li ma tipprovdix il-fondi għall-ħajt tas-sigurtà li hu qed jipproponi li jittella mal-fruntiera tal-Messiku. Dan meta Nancy Pelosi – bħala s-Speaker ġdid tal-Kamra u li kienet mistennija tkompli bin-negozjati ma’ Trump – qed tirreferi għall-ħajt bħala ‘xi ħaġa immorali’.
Il-Kungress ġdid ta’ Washington qed ikun ikkunsidrat bħala l-aktar wieħed li jirrifletti d-diversità fl-istorja.
Intant, l-abbozzi li għaddew mill-Kamra tar-Rappreżentanti għandhom jiffinanzjaw l-attivitajiet għas-sigurtà interna ( u li jinkludu 1.3 biljun dollaru fuq aspetti ta’ sigurtà mal-fruntiera) sat-8 ta’ Frar.
L-abbozzi huma anki intiżi biex jiffinanzjaw diversi aġenziji oħra sa Settembru, madankollu, hemm il-ħtieġa ta’ approvazzjoni mis-Senat – flimkien mal-firma tal-President Trump – biex ikunu implimentati bħala liġi.
Ir-Repubblikani, bħalissa, għandhom maġġoranza fis-Senat u l-kap tal-maġġoranza, Mitch McConnell, qal li r-Repubblikani f’din l-istituzzjoni mghandhomx jappoġġjaw miżuri li ma jkollhomx l-appoġġ tal-President tal-Istati Uniti. McConnell anki fisser l-isfida tad-Demokratiċi bħala ‘ineffettiva’ u ‘pantomima politika’.
Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi qed jinsistu li l-abbozzi inkwistjoni huma kważi identiċi għall-abbozzi li għadda s-Senat ix-xahar li għadda, qabel il-President Trump kien insista għall-inklużjoni tal-finanzjament tal-ħajt mal-Messiku.
Intant, u f’referenza oħra għall-ħajt, Nancy Pelosi qalet li l-infiq tal-flus fuq aktar infrastruttura fiz-zoni ta’ aċċess lejn l-Istati Uniti flimkien ma’ titjib fit-teknoloġija ( relatata) għandhom iservu aħjar l-interessi tal-pajjiż.
//= $special ?>

