Il-UEFA kkonfermat li Manchester City jistgħu jkunu sospiżi miċ-Champions League jekk jinstabu ħatja li qarrqu bl-ogħla assoċjazzjoni ewropea tal-futbol dwar id-dħul finanzjarju mill-isponsors.
Monaco u Paris Saint-Germain ukoll qed ikunu investigati mill-UEFA għal possibbiltà ksur tal-Financial Fair Play wara li s-sena l-oħra l-magazine Ġermaniż Der Spiegel ippubblikaw serje ta’ stejjer ibbażati email bejn uffiċjali tal-klabbs li ġew żvelati.
F’intervista mal-magazine Belġjan Sport and Strategy, l-investigatur ewlieni tal-Financial Fair Play tal-UEFA Yves Leterme kkonferma li jekk dak li nkiteb fuq Manchester City hu veru, jista’ jkun hemm problemi serji, fosthom esklużjoni mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA. Leterme qal li wara li l-klabbs ikunu ssottomettew ir-rapporti finanzjarji meta japplikaw, il-Bord tal-Kontroll tal-Finanzi tal-klabbs tal-UEFA jiċċekkjaw dawn il-figuri u jkunu eżaminati minn esperti interni u esterni.
Skont Der Spiegel, mill-€75 miljun li City qalu li daħlu mill-isponsors Etihad fl-2015, kienu kważi €9 miljuni biss li fil-verità waslu mil-linja tal-ajru, bil-kumplament jaslu mis-sid tagħhom Sheikh Mansour permezz ta’ Abu Dhabi United Group.
Il-magazine Ġermaniż allega wkoll li City bagħbsu fid-dati u nefħu diversi ftehim mal-isponsors biex jilħqu r-rikjesti tal-Financial Fair Play, ħbew pagament lill-eks manager Roberto Mancini u artifiċjalment naqqsu l-ispejjeż tad-drittijiet tal-immaġni.
Iċ-champions Ingliżi ddeskrivew dawn l-aħbarijiet bħala attentat biex iħassru r-reputazzjoni tagħhom, iżda ma sfidawx l-awtentiċità ta’ dawn l-emails.
Manchester City u PSG kienu t-tnejn ingħataw multà ta’ madwar €54 miljun talli kisru r-regoli tal-Financial Fair Play fl-2014 kif ukoll kellhom skwadra restritta fiċ-Champions League u kontroll fuq kemm jonfoq il-klabb fit-trasferimenti għaż-żewġ staġuni ta’ wara. Żewġ terzi tas-somom kienu wara rritornati minħabba li mxew mat-termini tal-kastig li ngħataw.
//= $special ?>