Bournemouth mistennija jsaħħu d-difiża tagħhom hekk kif laħqu ftehim ma’ Liverpool biex jakkwistaw lil Nathaniel Clyne b’self sa tmiem l-istaġun. L-Ingliż ta’ 27 sena ġej minn serje ta’ injuries u lagħab biss ħames logħbiet l-istaġun li għadda.
Dan wassal biex il-manager Jurgen Klopp beda juża lil Trent Alexander-Arnold u Clyne spiċċa riserva taż-żagħżugħ. Infatti Clyne lagħab biss erba’ logħbiet fil-Premier League dan l-istaġun, tlieta minnhom bħala sostitut.
Clyne mistenni jkun utilizzat b’mod regolari mill-manager ta’ Bournemouth Eddie Howe hekk kif bħalissa għandhom diversi plejers imweġġgħin fosthom id-difensuri Simon Francis u Adam Smith. Francis għandu disa’ xhur imweġġa’ filwaqt li Smith ilu minn Novembru nieqes wara operazzjoni fl-irkoppa.
Fil-logħba tal-Erbgħa li għadda kontra Watford, kien Junior Stanislas li normalment jilgħab midfielder mal-linja iżda kellu jilgħab f’pożizzjoni aktar irtirata biex jimla n-nuqqas fuq in-naħa leminija tad-difiża. Clyne li kien ukoll fil-mira ta’ Cardiff, ingħaqad ma’ Liverpool mingħand Southampton fl-2015 għal kważi €14-il miljun.
//= $special ?>