Lokali Qorti

Omm taħfer lil binha wara li serqilha €54,000

Kawża kemmxejn differenti fil-Qrati tagħna hekk kif f’seduta kommoventi għall-aħħar, omm ħafret lil binha wara li dan serqilha 54,000 ewro mid-dar tagħha stess.

Ġuvni ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa nagħta sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Dan wara li Kurt Aquilina wieġeb ħati tal-akkużi li seraq flus kontanti mingħand ommu.

Omm il-ġuvni sabet €54,000 nieqsa mit-tower tal-kompjuter tagħhom u għalhekk għamlet rapport lill-Pulizija. Aktar tard il-flus instabu f’kaxxa taż-żraben li kienet għand binha.

L-omm ħafret lill-istess binha għar-reat li dan wettaq, fejn il-flus li kienu misruqa kienu ritornati kollha lilha. Hi spjegat kif fil-passat binha għadda minn żminijiet diffiċli u għalhekk ma xtaqitx li tkompli tgħarrqu billi titfgħu l-ħabs.

Id-difiża talbet għal piena ta’ ħabs sospiża minħabba li dan kien l-ewwel episodju fejn Kurt Aquilina xellef diffrejh mal-ġustizzja. Filfatt il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mario Sciberras u Roderick Attard ma oġġezzjonatx għal dan.

Huma ħadu in konsiderzaajoni l-fatt li mill-istadju bikri tal-investigazzjoni l-ġuvni kkopera magħhom u ddispjaċih għal dak li għamel.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ħadet inkonsiderazzoni dan kollu, għalhekk il-Qorti tat sentenza minima ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin.
Il-ġuvni tpoġġa wkolla fuq ordni tal-protezzjoni u l-Qorti ordnatlu jħallas lura l-ispejjeż kollha relatata mal-investigazzjoni.

Tags