Tottenham Hotspur ftit sabuha diffiċli biex ikkwalifikaw għar-raba’ rawnd tal-FA Cup meta barra minn darhom ġabu fix-xejn lit-tim tal-League 2 Tranmere Rovers 7-0. Sitta mill-gowls tat-tim ta’ Pochettino waslu fit-tieni taqsima. Kien proprju ftit qabel il-ħin tal-mistrieħ li Tottenham fetħu l-iskor b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Serge Aurier li minn pożizzjon ċentrali spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Fernando Llorente rdoppja fit-48 minuta minn qagħda ideali biex Serge Aurier qatel it-tama ta’ rimonta ftit mistennija ta’ Tranmere, bit-tielet fil-55 minuta b’xutt fil-baxx mil-lemin. Tottenham skorjaw ir-raba’ gowl żewġ minuti wara b’azzjoni personali fuq in-naħa xellugija li għelbet lil Scott Davies.
Llorente għamilhom 5-0 fil-71 minuta meta rċieva vertikalment u skorja b’xutt fil-baxx, biex minuta wara l-attakkant Spanjol għaqqad it-tripletta personali meta rċieva kross mix-xellug ta’ Lucas Moura u kompla għal ġewwa. Kien għad fadal ħin għas-seba’ gowl li wasal fit-82 minuta meta Dele Alli reġa’ għadda ‘l quddiem lejn is-sostitut Harry Kane li ma sabx diffikultà biex għeleb lil Davies mill-kaxxa.
//= $special ?>